Is-sena l-oħra, l-entità governattiva li taħdem sabiex tattira investiment barrani filwaqt li tgħin lill-imprendituri bbażati f’Malta, approvat 38 proġett ġdid jew espansjoni ta’ kumpaniji li diġà kienu qed joperaw f’pajjiżna. Dan l-investiment jammonta għal madwar €80 miljun.
Ma’ One News, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ kumpaniji li qed jibdew, kemm Maltin kif ukoll barranin. Il-Malta Enterpise tagħmel sforz u toffri bosta inċentivi sabiex issaħħaħ lil dawn il-kumpaniji għax iħallu impatt fuq it-tkabbir ekonomiku.
“Qed nattiraw startups biex ikollna anke niċeċ ekonomiċi ġodda fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Allura, f’oqsma bħal-life sciences u anke medical technology, u anke teknoloġija bħall-AI u oqsma oħra fit-teknoloġija, dawn ikunu qegħdin jinvestu f’Malta u jibnu l-business tagħhom minn Malta.”
Barra minn hekk, tul it-3 snin li ġejjin, dawn l-intrapriżi mistennija joħolqu madwar 1,100 impjieg ġdid.
Permezz tal-inizjattiva StartInMalta, il-Malta Enteprise qed issaħħaħ l-inċentivi li toffri sabiex dawn il-kumpaniji jkomplu jikbru.
“Dan juri li l-investiment dirett barrani qed jibqa’ b’saħħtu: investiment ġdid, espansjonijiet ta’ investimenti li qegħdin f’Malta, li qed jikbru. U allura kollox juri li, bħala pajjiż, Malta bħala ġuriżdizzjoni qed jirnexxilha tattira investiment għax l-ekonomija għadha sejra tajjeb ħafna u anke għax bħala pajjiż aħna pajjiż li nagħtu ċerta stabbilità lin-negozju. Is-sena l-oħra, u anke din is-sena, qed naraw li l-investiment dirett barrani mhux talli ma naqasx minkejja l-isfidi kollha, talli qed jiżdied.”
Kurt Farrugia qal li, bejn it-13 u l-14 ta’ Ottubru, il-Malta Enterprise se torganizza l-iStartup Festival, avveniment ewlieni li se jsir f’Villa Bighi fil-Kalkara.