Is-sena l-oħra l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, permezz tal-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità, l-ACTS, trattat aktar minn elfejn u tlett mitt każ.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini tal-istess aġenzija, li fiha ngħata rendikont tal-ħidma ta’ din l-Aġenzija tul l-2021. Fl-istess waqt, ġew spjegati l-funzjonijiet ewlenin tal-Aġenzija, li topera tmien ċentri fi tmien lokalitajiet madwar Malta u direttorat ieħor f’Għawdex, li kollha kemm huma jinkludu tmien servizzi differenti.
L-Aġenzija ACTS timmira li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-komunità f’pajjiżna permezz ta’ żvilupp soċjali sostenibbli. Dan tagħmlu billi individwi u familji jingħataw għajnuna speċjalizzata permezz ta’ professjonisti f’oqsma differenti biex, fost oħrajn, jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali u t-titjib ta’ ħiliet differenti.
Thomas Galea, li huwa d-direttur tal-operat tal-Aġenzija Acts, spjega kif is-servizzi preżenti huma kollha offruti fiċ-ċentri fil-komunità sabiex ikunu aktar aċċessibbli minn lokalitajiet differenti.
B’kollox fl-2021 minn dawn iċ-ċentri ġew trattati 1511-il każ. Aktar minn 350 każ minnhom kienu każijiet ġodda.
Madankollu, Thomas Galea spjega wkoll li l-aġenzija toffri servizzi terapewtiċi speċjalizzati fid-djar tal-individwi li jikkwalifikaw għal din l-għajnuna, partikolarment familji bit-tfal.
“Għandna wkoll is-servizz ta’ terapija fid-dar. Dak huwa servizz speċjalizzat li aħna qed noffru terapisti li jmorru fid-djar tan-nies bil-għan li jippriservaw il-familji. Dawn jaraw familji li huma, primarjament, qed isegwuhom, iċ-child protection, looked after children, u servizzi fil-komunità. L-għan tagħna huwa li kemm jista’ jkun it-tfal jibqgħu jitrabbew mal-familji tagħhom.
B’rabta ma’ dan is-servizz ta’ terapija fid-dar, Galea spjega wkoll li b’kollox fl-2021 ġew trattati 578 każ. Flimkien ma’ dawn il-każijiet, kien hemm ukoll 267 każ li ġew trattati taħt il-programm bl-isem ‘Incredible Years’.
Dan il-programm jitratta l-prevenzjoni ta’ problemi b’rabta mal-imġiba tat-tfal. Fost affarijiet oħra, jinkludi wkoll għajnuna għall-ġenituri li jistgħu jaffaċċjaw diffikultajiet b’rabta mat-trobbija ta’ wliedhom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, faħħar dawn is-servizzi minn din l-Aġenzija fi ħdan l-FSWS u spjega li dan qed ikompli jinkoraġġixxi lill-familji biex jemmnu fihom infushom.
Saħaq li b’hekk qed jintbagħat messaġġ ċar lil dawn il-familji li hemm tama li l-isfidi jindirizzawhom huma. Il-Ministru Falzon aċċenna wkoll għad-diskors tad-Direttur Thomas Galea, u rrimarka l-importanza ta’ trattament speċjalizzat fil-qalba tal-komunitajiet anke fid-djar tal-persuni inkwistjoni.
“Il-Community Services, kif jgħid ismu stess u l-home-based therapy services huwa servizz soċjali bħal kull servizz soċjali ieħor imma jmur pass oltre, fejn hawnhekk is-servizz mhux wieħed jiġi ġo uffiċċju imma nkunu aħna li mmorru għand in-nies, li nkunu hemmhekk fil-komunità u anke għand in-nies direttament.”