Il-kunċett ta’ pulizija fil-komunità kompla jħalli l-frott tiegħu matul is-sena 2021. Dan hekk kif matul is-sena msemmija, is-servizz ra l-estensjoni tiegħu madwar diversi bliet u rħula madwar il-pajjiż.
Is-servizz tal-pulizija fil-komunità ra l-bidu tiegħu f’Ottubru tal-2020 meta kien introdott f’għaxar lokalitajiet wara perjodu ta’ proġett pilota fil-Mellieħa.
Matul l-2021, il-proġett infirex madwar disa’ lokalitajiet oħra madwar Malta u mistenni jkompli jikber matul l-2022.
Fil-fatt, fl-aħħar kwart tal-2021 il-Kummissarju tal-Pulizja, Angelo Gafà ħabbar kif din l-estensjoni ser tikber għal disgħa u għoxrin pajjiż matul is-sena 2022. Barra minn hekk, il-gżira Għawdxija ser ikollha dan is-servizz f’kull lokalità.
Dan ħabbru waqt ċerimonja għal rekluti li rat aktar persuni jingħaqdu fil-korp.
Waqt iż-żminijiet ta’ festi, ONE News, attenda waħda mill-attivitajiet li l-istess sezzjoni tal-Pulizija tellgħet matul ix-xahar ta’ Diċembru bil-għan li tkompli tersaq qrib il-komunità.
Fil-Belt Pulizija minn din is-sezzjoni, stazzjonati f’diversi lokalitajiet organizzaw logħob għal pubbliku kollu waqt li komplew il-kampanja t’għarfien dwar il-pickpocketing.
Fost il-Pulizija preżenti tkellimna mas-Surġent Daniel Garzia li jagħmel parti mit-tim tal-Belt u l-Furjana fejn innota magħna kif din is-sezzjoni qed taħdem biex tkabbar il-fiduċja tal-poplu fil-Korp.
Garzia qalilna kif is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità jvarja minn lokalità għall-oħra.
Huwa tenna, “Bħala esperjenzi għandna ħafna esperjenzi li qsamniehom mal-pubbliku jekk inkun speċifiku mhux daqshekk li nista’ niġġeneralizza għaliex kull lokalità ikollha marbuta magħha. Qisu dik il-ħaġa li ttiha s-sodisfazzjon partikolari.”
Rigward l-attivitajiet li l-istess sezzjoni tellgħet madwar il-pajjiż fosthom bi tqassim ta’ rigali lit-tfal, is-surġent innota li l-għan aħħari dejjem jibqa’ dak li jipprevjeni l-kriminalità milli sseħħ.
Garzia stqarr, “Noħolqu attivitajiet b’mod jew ħoss li jkun daqsxejn differenti biex l-istess niġbru l-pubbliku magħna u għamilna attivitajiet, eżempju dorna lokalitajiet, qassamna rigali u oġġetti żgħar, żorna nies li forsi jkunu fi bżonn jew ikunu weħidhom. Integrajna ukoll mat-tfal u ma’ anzjani ġo djar tal-anzjani biex dejjem ovvjament il-pubbliku jkun aktar mgħarraf dwar ix-xogħol tagħna u dwar l-iskop għalfejn qegħdin hemmhekk aħna.”