Matul din is-sena, Transport Malta rreġistrat żieda ta’ 7,700 dgħajsa mill-2012.
In-numru ta’ opri tal-baħar reġistrati f’Malta żdiedu minn 15,375 fl-2012, għal 23,133 fl-2021. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 50% mill-2012 lil hawn.
Matul din is-sena, 1,196 dgħajsa ġdida ġew irreġistrati. Dan ifisser żieda ta’ 5.5% fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, li hija l-iktar żieda qawwija fl-aħħar għaxar snin.
Dan jinkludi żieda ta’ disa’ perċentwali fin-numru ta’ dgħajjes li jistgħu jbaħħru barra l-ibħra Maltin, li n-numru tagħhom żdied minn ħamest elef u tlieta u ħamsin matul is-sena l-oħra għal ħamest elef u ħames mija u ħmistax għal din is-sena.
Ir-Reġistratur Ġenerali tat-Tbaħħir fi ħdan Transport Malta, Ivan Sammut, spjega li din iż-żieda kienet ġa bdiet tidher għal dawn l-aħħar ħames snin, imma matul din is-sena kien hemm żieda kbira.
Sammut stqarr, “Fl-aħħar sena, anke minħabba l-pandemija, fejn ħafna nies bħala l-uniku żvog għal dan is-sajf għandhom joħorġu bid-dgħajsa tagħhom u jmorru fuq dgħajsa ħdejn bajja, b’mod iżolat u b’distanza soċjali.”
Sammut spjega li għalkemm din is-sena għadha ma spiċċatx, issa jibda proċess ieħor li ħafna min nies jiddeċidew li jkabbru l-opri tal-baħar tagħhom, u ibiegħu d-dgħajsa l-antika.
L-Uffiċjal saħaq li Transport Malta qed tara iktar żieda fir-reġistrazzjoni ta’ dgħajjes għas-snin li ġejjin hekk kif diversi sidien ta’ dgħajjes internazzjonali, li l-pandemija ħalliet impatt negattiv fuqhom, qed ibiegħu d-dgħajsa tagħhom lill-Maltin.
Sammut spjega, “Kif nistgħu naraw, hemm ħafna bejgħ ta’ dgħajjes fil-pajjiżi ta’ madwar il-Mediterran, fejn kellek riperkussjonijiet ħżiena fuq l-ekonomija ta’ ċerti pajjiżi, nies li tilfu l-impjieg tagħhom, allura qed ibigħu d-dgħajjes tagħhom għax ma jifilħux aktar għalihom , fejn il-Maltin qed jaħtfu dik l-opportunità.”