Il-maġġoranza tal-każijiet ta’ diskriminazzjoni f’pajjiżna, iseħħu fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE tinvestiga r-rapporti ta’ diskriminazzjoni.
Fir-rapport annwali tal-Kummissjoni ħareġ kif is-sena li għaddiet, saru 24 ilment, li 13 minnhom saru minħabba l-ġeneru. Għaxra minnhom saru min-nisa u t-tlieta l-oħra mill-irġiel.
Kien hemm ilment minn mara dwar fastidju sesswali, waqt li ħames ilmenti oħra kienu dwar bażi ta’ razza.
Dwar dan tkellimna mal-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera.
Laviera qal, “Dawn huma każijiet, li aħna niltaqgħu magħhom, fejn nippruvaw noħorġu l-opinjoniniet tagħna, għax dan irid ikollhom raġun u xi daqqiet ma jkollhomx. Però meta jkollhom raġun, partikolarment, immorru għand min hu inkarigat u niġbdulu l-attenzjoni biex tittieħed azzjoni.”
Hija spjegat kif wieħed jiftaħ rapport billi jimla formola online, ħalli l-Kummissjoni tifhem il-każ u r-rapport jintbagħat lill-persuna jew kumpanija fejn allegatament ikun seħħ il-każ.
Stqarr, “Nisimgħu n-naħa tagħha u jekk ikun hemm xi xhieda, allura narawhom. Ikollna bżonn xi dokumentazzjoni, nitolbuha wkoll għax suppost bil-liġi tingħata u nisimgħu lil kulħadd u mbagħad nistudjaw il-każ u noħorġu.”
F’dan ir-rapport ħareġ ukoll ir-rata ta’ Malta fl-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-sessi hija ta’ 65%, li tfisser 3% inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea, minkejja li kien hemm titjib ta’ aktar minn għaxra fil-mija fl-aħħar snin.