Is-sena l-oħra, Infrastruttura Malta bniet mill-ġdid mitejn u għoxrin triq residenzjali.
Dan ifisser medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa, waħda aktar fil-ġimgħa meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet fi triq residenzjali f’Ħaż Żebbuġ, li wkoll qed isirulha x-xogħlijiet.
Hawnhekk, anke fil-preżenza ta’ bosta uffiċjali minn Infrastruttura Malta, ġie spjegat li dawn ix-xogħlijiet jikkumplimentaw il-programm nazzjonali għat-toroq residenzjali aħjar f’pajjiżna, li huwa mifrux fuq seba’ snin, liema programm issa qed jidħol fir-raba’ sena tiegħu.
F’kumment ma’ ONE News ,il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg saħaq li dawn ix-xogħlijiet fissru kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Qal, “Dawn huma t-toroq li qed jagħtu infrastruttura sigura u kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies li jgħixu fihom. Hawnhekk jgħixu n-nies, fil-220 triq oħra li għamilna fl-2021 jgħixu n-nies, jgħixu l-familji u dawk illum jistgħu jgħidu illi bit-titjib li sar fit-toroq ta’ quddiemhom qed jgħixu ħajja aħjar.”
F’dawn il-mitejn u għoxrin triq, l-aġenzija żiedet jew bniet mill-ġdid aktar minn tmienja u ħamsin kilometru ta’ bankini.
Dan filwaqt li qiegħdet mija u wieħed u erbgħin kilometru ta’ servizzi ġodda għad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, katusi u kanali għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u pajpijiet għall-cables tal-internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni.
Sabiex lestew il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq, il-kuntratturi tal-aġenzija użaw mija u wieħed u għoxrin elf, ħames mija u tnejn u ħamsin tunnellata t’asfalt.
Ta’ min isemmi wkoll kif dawn ix-xogħlijiet saru propju fl-istess żmien li l-aġenzija kienet jew għadha għaddejja bl-akbar proġetti infrastrutturali ta’ pajjiżna, fosthom il-proġett tal-Marsa Junction, il-mini ta’ Santa Luċija, il-Belvedere ta’ Triq Għeriexem, il-breakwater tal-Qrejten u l-proġett tas-Central Link.