Il-persuni fuq l-għajnuna soċjali relatata mal-qgħad naqsu bi 92.2% fl-2021 meta kkumparat mal-2013 fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Din ħarġet minn statistika mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali,il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.
ONE News stħarreġ din l-istatistika ma’ George Cremona, Direttur għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru
Huwa spjega t-tnaqqis gradwali tal-persuni fuq id-Dipendenza soċjali mill-2013 lil hawn hekk kif il-persuni fuq dawn l-assistenzi naqsu b’aktar minn nofs.
Fil-fatt, is-Sur Cremona spjega kif b’kollox f’Diċembru 2013, kien hemm kważi erbatax-il elf persuna fuq dawn il-benefiċċji.
Madankollu din bdiet tara tnaqqis gradwalment sabiex fl-2021 din iċ-ċifra niżlet għal sitt elef mija wieħed u disgħin.
Cremona spjega wkoll kif frott il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol u t-tkabbir tal-ekonomija deher biċ-ċar fit-tnaqqis ta’ persuni li ġew bżonn l-għajnuna soċjali għall-Qgħad.
Dan hekk kif minn erbat elef tliet mija u tletin persuni li jirċievu dan il-benefiċċju f’Diċembru 2013, din iċ-ċifra niżlet għal tliet mija sitta u tletin biss f’Diċembru 2021.
Cremona tenna wkoll is-suċċess tal-ħidma biex ikomplu jonqsu l-persuni dipendenti fuq l-għajnuna soċjali waqt il-pandemija.
“Bejn l-2019 u l-2020 xorta naqsu l-benefiċċjarji tal-għajnuna soċjali jiġifieri kellna nies li kienu fuq l-għajnuniet soċjali u daħlu jaħdmu. Bejn l-2020 u l-2021 reġgħu naqsu drastikament. Eżempju l-għajnuna soċjali għal diżimpijieg fejn persuna tkun qed tirreġistra minn ftit iktar minn 600 illum qed ngħoddu ftit aktar minn 300 jiġifieri naqsu bin-nofs” spjega Cremona.
Cremona tenna wkoll li b’riżultat li aktar nies qed jaħdmu, qed jonqsu wkoll il-benefiċċjarji tal-pensjoni mhux kontributorja biex b’hekk in-nefqa soċjali qed tiġi investita f’għajnuniet soċjali oħra.
Saħaq li “hemm diversi ċirkustanzi għaliex persuna ma jħallasx bolol. Jista’ jkun għax persuna ma jkunx jiflaħ jaħdem u allura jekk jgħaddi minn means test ikun qed jirċievi dik il-pensjoni mhux kontributorja. Qegħdin naraw ukoll li dawn il-benefiċċjarji sena wara sena qed jonqsu u għaliex? Għax illum il-ġurnata iktar nies qed jaħdmu. Once li qed taħdem, qed tħallas il-bolla. Ġaladarba qed tħallas il-bollo qed tinvesti f’pensjoni futura tiegħek.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon irrimarka għall-politka li adotta Gvern Laburista sabiex jinċentiva n-nies jaħdmu.
Tenna li “r-riżultati jitkellmu waħedhom. Illum qed nitkellmu fuq qgħad li huwa inqas minn 10% ta’ dak li kien fl-2013 u d-dipendenza fuq dik li hija l-benefiċċji soċjali naqset b’iktar min nofs. Bla dubju suċċess ta’ politika li n-nies iridu jaħdmu u jridu jaraw li jaqblilhom jgħixu aħjar u sabu Gvern li fetaħ l-opportunitajiet u verament tejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.”