Is-sena elfejn wieħed u għoxrin kienet l-aktar waħda ta’ suċċess għall-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 25 sena.
Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, f’kummenti li ta lill-midja wara ċ-ċelebrazzjoni solenni li fakkret il-mija u tmien snin minn mindu twaqqaf il-Korp.
Mistoqsi dwar kif iħares lejn l-aħħar sentejn minn mindu ġie fdat nit-tmun tal-Korp, Angelo Gafà qal li l-istatistika qed turi riżultati pożittivi dwar ħidmet il-korp.
Fost l-oħrajn, fl-2021 ġie rreġistrat l-inqas numru ta’ serq armat, ħruq ta’ karozzi, u anke serq.
Qal, “Il-Pulizija qegħdin hemmhekk 24 siegħa kuljum u għal kulħadd. Forsi fl-aktar ħinijiet li aħna nkunu d-dar, kwieti, ftit li xejn nirrealizzaw li hemm barra, jterrqu mat-toroq tagħna, hemm il-Pulizija biex ikomplu joffrulna serħan il-moħħ. Fl-aħħar sena, is-sena li għaddiet, l-istatistika wriet li kienet l-inqas sena li ġew irreġistrati serq, l-inqas sena li fiha ġew irreġistrati armed robberies, l-inqas sena fejn ġew irreġistrati arsons. Allura, dan juri biċ-ċar li s-sena l-oħra kienet waħda ta’ suċċess għall-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 25 sena.”
Il-Kummissarju Angelo Gafà spjega wkoll li, sfortunatament, il-Korp qed jara żieda ta’ rapporti dwar vjolenza domestika, iżda dan jixhed kif in-nies qed iżidu l-fiduċja tagħhom fil-Pulizija.
Qal, “Qed naraw ukoll żieda fil-każijiet ta’ vjolenza domestika. Dawn huma każijiet li jien ngħid li huma wkoll kaġun li l-korp qed isaħħaħ il-fiduċja u kunfidenza tal-poplu Malti u Għawdxi. Filwaqt li ma niħdux pjaċir b’dawn it-tip ta’ reati, nieħdu gost li l-vittmi ta’ dawn ir-reati qed joħroġu mill-qoxra tagħhom u jersqu għandna għax jafu li aħna llum qed noffru servizz aktar professjonali u aktar empatiku lejn il-vittmi tal-vjolenza domestika.”