Fl-2021, l-ammont ta’ materjal tal-kostruzzjoni li ġie rriċiklat kien ikbar mill-ammont ta’ skart li ntefa’ fil-barrieri.
Dan ħareġ f’sessjoni ta’ informazzjoni għall-membri tal-midja mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, flimkien mal-entitajiet u l-aġenziji li jaqgħu taħtu fosthom, il-Wasteserv, l-ERA u l-Ekonomija Ċirkulari.
Fil-fatt, tul din is-sessjoni ngħataw numru ta’ ċifri u aħbarijiet importanti li juru l-aktar snin ta’ ħidma fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Filwaqt li ġie sostnut l-irriċiklar tal-materjal tal-kostruzzjoni minn naħa tal-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca, il-Kap responsabbli mill-Ekonomija Ċirkulari fi ħdan il-Wasteserv Daniel Tabone ħabbar ukoll kif 20,000 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli inbidel f’materjal ieħor fl-2022.
Ġew riċiklati fost oħrajn ukoll 8,000 tunnellata ta’ ħġieġ li kienu ekwivalenti għal madwar 18-il miljun kontenitur. Flimkien magħhom ġew riċiklati 120 tunnellata f’kartun tal-ħalib. Dan filwaqt li ġiet innutata żieda ta’ 20% fi skart organiku li qed jasal b’mod separat.
In kwantu f’enerġija ġġenerata mill-iskart, fl-2022 ġiet iġġenerata enerġija għal 500 dar filwaqt li jekk jinżamm l-istess pass għall-bqija ta’ din is-sena, tiġi ġġenerata enerġija ekwivalenti għal 600 dar.
Rigward separazzjoni ta’ skart mill-industrija ġiet innutata żieda ta’ 115% fil-kartun li kien qed jasal għand il-Wasteserv. Ġiet irreġistrata żieda wkoll ta’ 89% fl-injam li qed jasal separat. Kien hemm ukoll 10 tunnellata ta’ saqqijiet li hija ekwivalenti għal 400 saqqu li ġew isseparati. Dan qed iwassal f’inċentivi fiskali għall-industrija li qed iħallsu inqas talli qed jissparaw l-iskart minn qabel.
Rigward, il-proġett ta’ nofs biljun ewro tal-ECOHIVE, tħabbar ukoll li jinsab fi stadju avvanzat l-akkwist tal-impjant tal-waste to energy tant li qed jiġu magħżul min ser jibnu u jħaddem dan l-impjant. Intant bħalissa għaddej it-tħaffir tas-sit fejn se jaħdem l-impjant.
Intqal ukoll kif proġett ieħor li jinsab fi stadju avvanzat huwa l-Organic Processing Plant. Hawn għaddej fi stadju avvanzat l-istudju fid-disinn u l-pjan huwa li ssir l-applikazzjoni għal permess neċessarju.
Fl-aħħar ġranet inħareġ ukoll il-permess għall-iSkip Management Facility, li tagħmel parti wkoll mill-proġett tal-ECOHIVE
F’din is-sessjoni tal-midja tħabbar ukoll li mir-re-use centres sa issa nġabru madwar 6,500 oġġett.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Circular Economy Malta, Jason Vella spjega ċ-ċifri b’rabta mal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb mill-BCRS. Spjega kif fil-fatt, qed jinġabru mat-3 miljun kontenitur fil-ġimgħa filwaqt li sa issa inġabru mal-47 miljun flixkun.
Hekk kif Vella spjega li se jkun qed jiġi żgurat li fiż-żmien li ġej l-operatur privat liċenzjat ikompli jsaħħaħ l-iskema b’operat mill-aktar effettiv u effiċjenti, huwa ħabbar li sas-Sajf mistennija jiġu installati għaxar magni differenti tal-BCRS li se jkunu kapaċi jiproċessaw boroż bil-fliexken b’mod spedit. Dawn il-magni se jkollhom persuna magħhom sabiex issegwi l-andament filwaqt li se jkunu stazzjonati f’postijiet differenti madwar pajjiżna.
Fil-konklużjoni tagħha l-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan kollu jagħmel parti mill-impenn tal-Gvern li jkompli jindirizza l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna filwaqt li jkompli jimpenja ruħu fil-politika tiegħu kontra l-miżbliet.
Fil-fatt, il-Ministru Dalli spjegat li fl-2019 persuna medja f’Malta kienet tiġġenera 683kg ta’ skart fis-sena. Fl-2022, dan niżel b’10% għal madwar 600kg.
Dwar is-separazzjoni mandatorja tal-iskart il-Ministru Dalli spjegat ukoll li l-liġi se tkun qed ħa tidħol fis-seħħ f’April, b’perjodu edukattiv jiskatta sa Ottubru.
Rigward il-kampanja ta’ tindif, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif fost oħrajn mill-kampanja ‘Saving Our Blue’ nġabru 12,777kg ta’ microplastics u skart ieħor. Dan filwaqt li tindif fil-widien f’diversi attivitajiet organizzati wassal biex jinġabru 1800 tunnellata ta’ skart.