Il-Ministru Abela qal f’dak li għandu x’jaqsam mal-impenn ta’ Malta fis-sena li ġejja fil-fora internazzjonali, pajjiżna mhux biss ser tkompli f’dan il-qasam iżda ser issaħħaħ l-impenn tagħha b’mod partikolari fil-forma li jaħdmu fl-interess tal-pajjiżi ż-żgħar.
In-Nazzjonijiet Magħquda: Ħidma favur il-klima u l-oċeani:
Il-Ministru Abela qalilna lis-sena d-dieħla Malta ser tiċċelebra il-75 anniversarju tan-Nazzjonijiet Magħquda. Biex niżguraw li r-riżultati tal-ħidma li saret matul dawn is-snin kollha favur il-komunità internazzjonali tkompli, hemm bżonn multilateraliżmu effettiv. Tkellem kif bħala eżempju ċar tal-impenn tal-pajjizi ż-żgħar, Malta ppreżentat il-kandidatura tagħha għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maghquda għas-snin 2023-2024.
“Malta diġà serviet fuq dan il-Kunsill bejn l-1983 u l-1984 u qed naħdmu sabiex, jekk Alla jrid, hekk kif inkunu eletti fl-elezzjoni tal 2022, inkunu nistgħu bħala pajjiż nagħtu l-kontribut attiv tagħna għax-xogħol tal-Kunsill tas-Sigurtà. Kburi ngħid li f’elezzjoni internazzjonali oħra, aktar kmieni dan ix-xahar, Malta rnexxiela għat-12-il darba konsekuttiva tiġi eletta fuq il-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Sadanittant għaddejja ħidma intensiva mill-Ministeru tiegħi favur kandidaturi oħra ta’ Malta bħal dik għat-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar, fejn preżentement il-kandidat Malti jokkupa l-kariga ta’ Viċi President”, qal Abela.
Sfida tal-migrazzjoni:
Sfida oħra importanti għal Malta hija dik tal-migrazzjoni. F’dan il-qasam l-Ministru Abela spjega kif Malta qed taħdem bla heda flimkien ma’ pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali fuq l-aspetti kollha ta’ din l-isfida. Proġett ewlieni li qed jiġi mplimentat bħalissa flimkien mal-pajjiżi Afrikani huwa l-Joint Valletta Action Plan (JVAP) li jinkludi fih elementi li jindirizzaw il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni, il-migrazzjoni legali, traffikar ta’ bnedmin, protezzjoni u ritorn tal-migranti “Hemm bżonn ħafna ħidma anki bl-għajnuna tas-settur privat sabiex ngħinu fl-iżvilupp ta’ pajjiżi li għal diversi ċirkustanzi waqgħu lura. Sadanittant, flimkien mal-ICMPD, organizzajoni intergovernattiva li għanda bażi reġjonali f’Malta, qed naħdmu fuq proġetti sabiex in-narrattiva dwar il-migrazzjoni tieħu ton iktar bilanċjat”, qal Abela.
Titjib tad-drijjiet tal-bniedem:
It-titjib tad-drittijiet tal-bniedem huwa qasam fejn fost il-prijoritajiet ewlenin ta’ Malta insibu d-drittijiet tan-nisa, LGBTI, id-drittijiet tat-tfal u ta’ persuni b’diżabilità u d-drittijiet tal-minoranzi. Is-sena d-dieħla ser niċċelebraw il-25 anniversarju tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing u l-20 anniversarju tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maghquda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà. F’dan ir-rigward, fl-2020 Malta se tniedi l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.
Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli:
Fl-aħħarnett, tkellimna mal-Ministru Abela fuq l-iżvilupp sostenibbli għall-ġenerazzjon tagħna u dik li ġejja. Hawn huwa tkellem fuq l-importanza tal-multilateraliżmu. Hawn huwa iffoka fuq l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan tagħha li ġiet adottata f’Settembru 2015 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
L-Aġenda toffri pjan direzzjonali importanti għall-kostruzzjoni ta’ kunsens internazzjonali ġdid u ambizzjuż rigward il-ħtieġa għal kooperazzjoni akbar u twaqqif ta’ pedamenti sodi għal sistema multilaterali iktar b’saħħitha u stabbli. L-Aġenda 2030 tpoġġi d-dinjità u l-ugwaljanza tal-persuna fiċ-ċentru tagħha u, konsegwentement, titlob parteċipazzjoni wiesgħa mill-atturi kollha, inklużi l-Istati, is-soċjetà ċivili u s-settur privat.