L-2020 fissret ukoll it-telf ta’ bosta personalitajiet famużi mad-dinja kollha.
Minn sportivi, għall-atturi u anki saħansitra nies li ddominaw ix-xena politika f’pajjiżhom għal snin twal.
Fis-26 ta’ Jannar tal-2020 id-dinja nħasdet bil-mewt tal-plejer leġġendarju tal-Basketball, Kobe Bryant.
Bryant u bintu fost oħrajn mietu wara li ħelikopter li kienu fuqu ġġarraf fuq muntanja fl-istat ta’ Kalifornja, fl-Amerka.
L-attur ta’ fama mondjali Kirk Douglas, li jibqa’ fost oħrajn magħruf għall-film ‘Spartacus’, miet fil-5 ta’ Frar fl-età ta’ 103 snin.
Fl-istess xahar miet l-eks President tal-Eġittu Hosni Mubarak.
Mubarak kien tneħħa mill-poter waqt ir-rivoluzzjoni tal-2011, li anki laqtet lid-dinja Għarbija.
F’Marzu, preċiżament fl-24 ta’ Marzu miet ir-rebbieħ tal-Grammy Awards, Kenny Rogers.
Rogers, attur u anki kantant famuż miet wara li għalaq 81 sena.
Fid-29 t’April miet il-Gran Mastru Fra’ Giacomo Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto, li kien imexxi l-Ordni Sovrann ta’ Malta.
Fis-6 ta’ Lulju, id-dinja bkiet wieħed mill-akbar kompożituri li qatt rat id-dinja.
It-Taljan Ennio Morricone miet fl-età ta’ 91 sena.
Miegħu iżda ma mitux is-siltiet mużikali li jibqgħu jindaqqu u jinstemgħu mal-erbat irjieħ tad-dinja.
F’Settembru miet l-Emir tal-Kuwait.
Ix-Sheikh Sabah Al-Ahmad Al-Jaber Al-Sabah miet fid-29 ta’ Settembru u jibqa’ mfakkar kif fittex ir-rikonċiljazzjoni mal-pajjiż ġirien tiegħu, l-Iraq, wara l-gwerra tal-golf.
Fl-aħħar t’Ottubru tlifna l-ewwel attur li ħadem il-karattru ta’ James Bond.
Sean Connery miet fl-irqad waqt li kien il-Bahamas.
Fil-25 ta’ Novembru, mewt ta’ leġġendarju ieħor għamlet ħoss kbir.
L-istilla tal-futbol Arġentin, Diego Armando Maradona miet fl-età ta’ 60 sena.
Miet b’attakk f’qalbu u d-dinja kollha bkiet u ftakret fil-mumenti kbar u ta’ spettaklu li kien ta Maradona bil-ballun.
Ftit warajh miet Alejandro Sabella, il-kowċ Arġentin li mexxa lil pajjiżu sal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2014.
Fit-2 ta’ Diċembru miet Valéry Giscard d’Estaing, l-eks President Franċiż li ħadem ħafna favur l-għaqda fl-Ewropa.
Fid-9 ta’ Diċembru miet il-plejer leġġendarju Taljan Paolo Rossi.
Rossi kien strumentali biex l-Italja rebħet it-Tazza tad-Dinja tal-1982.
Is-sena għalqet bil-mewt tad-disinjatur tal-ħwejjeġ Pierre Cardin.
Huwa miet fl-età ta’ 98 sena.