B’investiment ta’ miljun ewro, fl-elfejn u dsatax, l-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta ħawlet aktar minn tmint elef u seba’ mitt siġra indiġena fi tmintax–il lokalità f’erbgħin post differenti madwar Malta.
Din l-inizjattiva hija parti minn investiment ambjentali li jinkludi wkoll programm fit-tul għall-kura u t-tisqija ta’ dawn is-siġar sakemm ikun żgurat li adattaw ruħhom sew fl-ambjent ġdid tagħhom.
L-aġenzija qed taħdem ukoll biex matul din is-sena testendi dan il-programm billi tħawwel aktar siġar f’inħawi oħra f’Malta.
Rachel Powell, rappreżentanta ta’ Infrastruttura Malta saħqet kif fis-sena elfejn u dsatax tħawlu aktar siġar milli kien pjanat.
“Ta’ min wieħed jinnota li l-figuri li aħna konna qed nipproġettaw għall-elfejn u dsatax jiġifieri li nħawlu sitt elef u seba’ mitt siġra mhux biss ilħaqnihom iżda wkoll irnexxielna nħawlu elfejn siġra oħra magħhom.”
Fost is-siġar li tħawlu hemm il-bruka, żebbuġ, ċipress, ġummar safrani, deru, ballut, żnuber, rihan, ħarrub, u għargħar, li hija s-siġra nazzjonali.
Is-siġar tħawlu fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Birkirkara, Birżebbuġa, Bormla, Ħad Dingli, Ħal Safi, il-Kalkara, Ħal Luqa, il-Marsa, il-Mosta, l-iMsida, in-Naxxar, Pembroke, Ħal Qormi, ir-Rabat, Santa Lucija, Ħaż-Żebbuġ u ż-Żejtun.
Intant, fi stqarrija l-Aġenzija qalet kif kull triq li qed tinbena mill-ġdid madwar Malta qed tiġi mżejna b’dawn is-siġar indiġeni.