Matul l-2019 il-passiġġieri f’Malta użaw is-servizz ta’ trasport pubbliku għal 57 miljun darba.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg l-Erbgħa fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li fiha spjega li din iċ-ċifra tfisser żieda ta’ 7% iktar mill-2018.
Din iż-żieda hija ekwivalenti wkoll għal żieda ta’ 4 miljun vjaġġ mill-passiġġieri f’Malta meta mqabbel mal-2018.
Mistoqsi mid-Deputat Anthony Agius Decelis għar-raġunijiet wara din iż-żieda drastika fl-użu tat-trasport pubbliku, il-Ministru Ian Borg attribwixxiha għal bosta skemi li daħħal dan il-Gvern biex jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku.
Spjega kif fost oħrajn permezz tal-iskema Bus20, 39,000 student ta’ bejn l-14 u l-20 sena flimkien ma’ studenti full time issa jistgħu jivvjaġġaw fuq tal-Linja b’xejn.
Dan ifisser li kull passiġġier f’sena qed jiffranka mat-€320 fi ħlas għat-trasport pubbliku.
Simili għall-iskema Bus20 il-Ministru Borg fakkar kif mill-bidu ta’ Jannar daħlet fis-seħħ l-iskema Bus75+ li permezz tagħha l-anzjani kollha ta’ 75 sena jew aktar ukoll jistgħu jużaw is-servizzi ta’ Tal-Linja b’xejn. Din l-iskema tkopri wkoll lill-persuni b’diżabilità.
Dan ifisseri li minn din is-sena mad-19,000 passiġġier ieħor jistgħu jirkbu tal-linja b’xejn.
Dan flimkien ma’ servizz b’iktar kumditajiet fil-mezzi ta’ trasport fosthom Wifi b’xejn u investiment f’karozzi tal-linja li huma aktar aċċessibbli.
Fil-fatt is-sena li għaddiet inxtraw 40 karozza tal-linja ġdida b’nefqa ta’ €9 miljun.
Il-Ministru Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn iċ-ċifri pożittivi u tenna kif dawn jikkonfermaw l-impenn u l-istrateġija tal-Gvern fis-settur tat-trasport pubbliku/
Spjega wkoll kif il-Gvern huwa kommess li jipprovdi trasport pubbliku b’xejn għall-pensjonanti kollha u kif din il-wegħda ser titwettaq sa tmiem din il-leġislatura.
Intant fi tweġiba għal mistoqsija supplementari mid-Deputat Joe Mizzi, il-Ministru Ian Borg ikkonferma li nbidlet ir-rotta ta’ tal-linja li tgħaddi mill-pjazza tal-Birgu għall-kumdità tar-residenti.