Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne nieda t-tielet u l-aħħar parti minn proġett li permezz tiegħu dawk kollha li jbatu mid-dijabete se jkunu qegħdin jingħataw stikek b’xejn biex jiċċekjaw iz-zokkor.
Id-Deputat Prim Ministru qal li hekk kif il-proġett se jasal fi tmiemu fl-aħħar ta’ din is-sena, ta’ kull sena se jibdew jitqassmu mas-16-il miljun stikka fis-sena lil madwar 30,000 persuna dijabetika f’pajjiżna, bl-ispiża ta’ madwar miljun ewro fis-sena.
Il-proġett kien beda fl-2016 fejn l-ewwel li bdew jingħataw stikek b’xejn kienu t-tfal. Wara gradwalment żdiedu d-dijabetiċi Type 1 kollha u wara d-dijabetiċi Type 2 li qegħdin fuq l-insulina. Dawn kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum.
Issa l-proġett se jkun estiż għad-dijabetiċi kollha li qegħdin fuq medikazzjoni, li minnhom hawn madwar 22,000. Dawn se jkunu intitolati għal stikka b’xejn kuljum.
Din il-fażi tal-proġett se tibda fi stadji. Ta’ kull xahar pazjenti li jġibu l-mediċini minn lokalitajiet diversi tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se jkunu qegħdin jirċievu ittra biex jiġbru l-istikek tagħhom. Fl-aħħar jiem intbagħtu l-ittri tal-ewwel erba’ lokalitajiet: il-Marsa, il-Ħamrun, Valletta u Floriana. Kull xahar se jiżdiedu l-lokalitajiet, sakemm sal-aħħar tas-sena kemm Malta u Għawdex ikunu fl-iskema.