Matul l-elfejn u tmintax, id-Dipartiment tat-Taxxa ġabar mija u sitt miljun ewro f’multi wara li investiga madwar elf u erba’ mitt każ ta’ persuni u entitajiet lokali fuq taxxa mhux iddikjarata.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fil-Parlament waqt diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-Budget.
Huwa qal li l-invesitagazzjonjiet marbuta mal-karti tal-Panama u s-Swiss Leaks wasslu biex jinġabru mal-għaxar miljun u sitt mitt elf ewro. Huwa żied jgħid li sittax-il każ mill-mitejn u sebgħa u tletin każ marbuta mal-karti tal-Panama għadhom qegħdin jiġu investigati.
Il-Ministru qal dan b’reazzjoni għal artiklu ta’ The Times of Malta u ta spjegazzjoni ċara għax ma ttieħdux passi kriminali f’dawn il-każijiet.
“Ta’ min ngħidu li s’issa s-sistema ta’ pajjiżna li sibna aħna meta tlajna fil-Gvern sal-lum kienet li d-dipartiment tat-taxxa ma kellux l-awtorità li jgħaddi affarijiet li huma tat-taxxa lill-pulizija imma kull offiża fuq taxxa jew evażjoni tat-taxxa kienet tkun id-dipartiment li jieħu l-azzjoni u jiċċarġja u jagħti l-pieni fuq dawn il-każi.”
Spjega li l-aħħar rapport li sar mill-Moneyval lill-Gvern Nazzjonalista, talab għall-bidla fis-sistema. Qal li bis-saħħa tar-riformi li saru minn dan il-Gven, fosthom permezz ta’ MOU mal-Pulizija, hemm erba’ każijiet soġġetti għall-investigazzjoni.
“Jiġifieri din il-policy se jkollha poteri investigattivi li jinkludu l-użu ta’ teknoloġija u informazzjoni ta’ komunikazzjoni. Fil-fatt ġie ffirmat MoU bejn il-pulizija u d-Dipartiment tat-Taxxa illi mil-lum ’il quddiem jistgħu jgħaddulhom informazzjoni hi kemm hi kunfidenzjali għal raġunijiet biex jittieħdu passi kriminali kontra dawn l-individwi.”