Fl-2017 pajjiżna biegħ kważi 14,000 tunnellata ta’ tonn b’valur li jlaħħaq il-170 miljun ewro.
Din iċ-ċifra mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika tassigura lill-Malta bħala waħda mill-iktar produtturi b’saħħitha tat-tonn mhux biss madwar l-Ewropa imma anke madwar id-dinja.
Dawn iċ-ċifri kienu kwotati waqt konferenza mill-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura hekk kif ingħata rendikont tal-ħidma tagħha matul is-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni, Charlon Gouder spjega kif l-esportazzjoni tat-tonn tammonta għal madwar 200 miljun ewro mill-ekonomija Maltija u li Malta hija waħda mill-impurtaturi ewlenin tal-Ġappun.
“Huwa l-ħames l-aktar pajjiż li jimporta mingħandu l-Japan. Pajjiż kbir daqstant.”
Gouder spjega wkoll kif matul din is-sena inġabru mal-100,000 litru ta’ żlieġa mill-gaġeġ iġġenerat mill-għalf tal-ħut. Żejt li qed jiġi mibjugħ u riċiklat.
“B’kollox f’din l-operazzjoni kollha biex seta’ jinħabar dan iż-żejt ħafna minnhom minn ġol gaġeġ involviet kważi aktar minn 950 jiem ta’ xogħol bejn il-ħaddiema kollha li kienu preżenti.”
Intqal kif matul din is-sena l-federazzjoni wkoll qablet mal-operaturi li jiġi ffirmat qbil regolatorju li fih jobbliga lil kull fish farm jiddedika minn tal-inqas żewġ dgħajjes biex jiġbor iż-żlieġa minn ġol-gaġġa u li kull dgħajsa trid tkun mgħammra b’tal-inqas 3 operaturi u apparat għall-ġbir taż-żlieġa.