Il-European Asylum Support Office, li għandu l-bażi tiegħu f’pajjiżna, mistennija aġenzija Ewropea wara l-konklużjonijiet li saru fl-aħħar jiem fil-qasam tal-ażil. Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet bil-preżenza tad-Direttur Josè Carreira u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Kumitat għad-Drittijiet Ċivili, Ġustizzja u Intern.
Fid-diskors tiegħu d-Direttur tal-EASO sostna li bir-regulazzjoni l-ġdida tal-EASO issa ser ikun hemm il-bżonn li jkun hemm żieda fir-riżorsi umani u finanzjarji tal-istess aġenzija dan sabiex tkun aktar effettiva l-ħidma, fil-membri stati li hemm bżonn bħal Malta, Greċja u l-Italja.
Matul l-2015 kien hemm aktar minn żewġ miljun persuna li bdew ifittxu l-ażil. Dan ikompli jagħmel l-irwol ta’ dan l-uffiċċju aktar relevanti kif sostniet il-Membru Parlamentari Ewropew Kyenge. Hija sostniet li l-Presidenza ta’ Malta tista’ tkun strumentali ħafna għal ħidma fuq l-ażil.
Kyenge qalet li s-solidarjetà, ir-responsabbiltà u r-riforma fis-sistema tal-ażil huma strumentali. Il-membri parlamentari ewropew lkoll qablu li s-sistema ta’ Dublin fuq l-immigrazzjoni hija waħda ta’ falliment u huwa għalhekk li permezz tal-bidliet ta’ din l-aġenzija li EASO ser issir aktar relevanti fix-xena Ewropea.
L-istess sostniet il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Miriam Dalli. Hija tkellmet dwar il-bżonn ta’ aġenzija aktar relevanti fi proċess li jista’ jgħin biex tkun risolvuta l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Dalli stqarret li Malta ser isservi ta’ punt importanti fil-ħidma favur l-immigrazzjoni matul l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew dan għaliex pajjiżna sa mill-2002 baqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu. Malta ser tkun tagħmel pressjoni biex mhux biss ikun hemm rilokazzjoni tal-immigranti iżda wkoll jintbagħtu lura jekk dan ikun fuq bażi umanitarja.
https://youtu.be/UB0M7KsbybM