Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, ħabbar li bħal kull sena fl-1 ta’ Jannar se terġa’ tiġi organizzata ‘Il-Festa ta’ Ġenerożità’ taħt tinda fil-parkeġġ tal-istess Dar fis-Siġġiewi.
Il-maratona se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni bejn l-10.00 ta’ filgħodu u nofsillejl.
Matul il-ġurnata, minbarra se jsir ukoll irkant onlajn ta’ xogħlijiet tal-arti li se jkunu wkoll esebiti fis-sala tad-Dar tal-Providenza. L-offerti jibdew jintlaqgħu onlajn mill-15 ta’ Diċembru fuq is-sit elettroniku belgraviaacutions.com.
Fi stqarrija, Fr Martin stqarr li l-ispejjeż li għandha d-Dar tal-Providenza huma kbar u għalhekk ‘Il-Festa ta’ Ġenerożità’ sservi ta’ opportunità biex il-poplu Malti u Għawdxi jgħinha finanzjarjament.
Wieħed jista’ jagħmel donazzjoni bit-telefown fuq seba’ numri speċifiċi, waqt li jista’ jintbagħat ukoll SMS li jsarraf f’għotja għal dan il-għan.
Ma’ dawn jistgħu jsiru wkoll għotjiet permezz ta’ Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.