Fil-Jum Dinji għas-Saħħa, li din is-sena t-tema magħżula għal dan il-jum hi ‘Healthy beginnings, hopeful futures’, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li mis-sena d-dieħla l-gvern se jkun qed jinvesti fi Kliniċi ta’ Longevity Medicine, mediċina li minflok tiffoka fuq it-trattament ta’ mard, għandha l-għan li tipprevjeni jew tittardja mard ikkawżat minħabba età.
Dan ħabbru waqt konferenza mtella’ fil-Parlament, b’kollaborazzjoni mal-Ispeaker tal-Parlament, li matulha numru ta’ professjonisti fis-settur tas-saħħa qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar is-saħħa fiżika u mentali tal-ommijiet u trabi, u mard ieħor bħal dak tal-kanċer.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li din il-konferenza hija turija ċara tal-impenn tal-gvern biex ikompli jwassal kura tas-saħħa ta’ kwalità favur iċ-ċittadini. Huwa semma kif tul dawn l-aħħar għaxar snin, pajjiżna rreġistra inqas imwiet fejn tidħol il-marda tal-kanċer.
Huwa tenna l-importanza li kull min jirċievi l-istedina għal screening, bħal dak għal kanċer tal-musrana, jilqa’ din l-istedina biex jilħqu din id-djanjosi minn stadju bikri. Huwa sostna li l-gvern qed jaħdem biex ikompli jnaqqas l-età li wieħed jirċievi din l-istedina, bil-pjan huwa li l-Għawdxin u l-Maltin jirċievu din l-istedina fl-età ta’ 40 sena.
“Fil-Jum Dinji dedikat għas-Saħħa, ħsibijieti huma mal-morda, speċjalment il-vittmi tal-kanċer u l-għeżież tagħhom. Nirringrazzja lill-professjonisti kollha għad-dedikazzjoni tagħhom u l-ħidma li jwettqu ta’ kuljum anke sabiex Malta tirreġistra l-aqwa riżultati fl-onkoloġija fl-Ewropa. Għandna biex inkunu tassew kburin,” temm jgħid il-ministru.