Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK, qalet fi stqarrija li l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-Sibt li ġej se tkun determinanti għall-ġejjieni tal-kaċċa u l-insib, skont min jintagħżel biex jirrappreżenta lil pajjiżna u jkun lest jiddefendi dawn it-tradizzjonijiet lokali.
L-FKNK qalet li diġà jista’ jitbassar li l-aġenda tal-leġiżlatura li jmiss tal-Parlament Ewropew se tara li l-kaċċa u l-insib jiġu diskussi ħafna, inkluż bi proposti li se jkunu għall-vot fil-ħames snin li ġejjin.
Għaldaqstant l-FKNK ħeġġet lill-kaċċaturi u lin-nassaba biex is-Sibt li ġej jesprimu l-ġudizzju tagħhom bil-vot, waqt li semmiet kif sitt kandidati tal-Partit Laburista diġà kkonfermaw li, jekk jiġu eletti, se jaħdmu biex jissalvagwardjaw il-passjonijiet soċjo-kulturali tradizzjonali, flimkien ma’ wieħed tal-Partit Nazzjonalista u ieħor indipendenti.
Min-naħa l-oħra, fakkret li Arnold Cassola diġà ddikjara li hu se jaħdem biex jelimina l-kaċċa fir-rebbiegħa.