Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN), Simon Busuttil, llum ippropona l-introduzzjoni ta “propositional referendum”, li se jippermetti lin-nies jisfurzaw referendum biex jiġu introdotti liġijiet, taħt l-istess parametri li kien ġie sfurzat ir-referendum abrogattiv kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2015. Dan innotatu fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).
Qalu li l-opinjoni tagħhom, dan jista’ jintuża bħala mezz ieħor f’attentat ulterjuri biex jabolixxi n-namra tradizzjonali soċjo-kulturali tal-kaċċa u l-insib mill-gżejjer Maltin.
Fi kliem il-Federazzjoni: “L-FKNK ma kienitx qed tistenna din it-tip ta’ proposta mill-PN, meta biss ftit jiem ilu l-istess FKNK kellha laqgħa ma’ uffiċjali tal-PN li minbarra affarijiet oħra, ġiet diskussa l-petizzjoni tal-FKNK b’104,294 firma li tinsab pendenti, wara li din ġiet ippreżentata fil-Parlament Malti mill-MP Michael Falzon.
Il-Petizzjoni titlob emendi fl-Att referendarja sabiex referendum ikun possibli b’mod ġust u demokratiku biex ikunu salvagwardjati l-interessi, d-drittijiet u l-privileġġi legali ta’ gruppi ta’ nies li jinsabu f’minoranza fis-soċjetà Maltija. Petizzjoni kontra l-kaċċa li nġabar fl-2014, sfurza l-ewwel Referendum Abrograttiv li qatt sar f’Malta, li ntrebaħ mill-FKNK, u li sewa l-fuq minn €6,000,000 mit-taxxi tal-poplu Malti”.