“Ninsab maħsuda hekk kif jien ma kontx biss ħabiba sew ta’ Shannon iżda anke tal-eks maħbub tagħha. Kont nafhom sew u ma nistax nemmen kif għamlilha hekk.”
Hekk qalet ħabiba tal-Olandiża, Shannon Mak. It-tfajla ta’ 30 sena li nqatlet ftit tal-jiem ilu mill-eks maħbub tagħha fejn instabet il-Ġimgħa filgħodu maqtula b’diversi daqqiet ta’ sikkina f’għonqha u mixħuta bejn żewġ karozzi f’Santa Venera.
Fadal biss fjura ħamra, oħra vjola u oħra safra fuq ix-xena tad-delitt li jfakkru l-memorja ta’ Shannon. Fjuri li tpoġġew minn żewġt iħbieb tagħha bħala sinifikat fejn qattgħu mument ta’ silenzju proprju hemm bħala sinjal ta’ rispett.Meqjusa bħala tfajla avventuruża u t-‘tfajla lesta biex tiskopri d-dinja’, missier Shannon, Frank, spjega f’intervista ma’ De Telegraaf kif bintu dejjem kienet tfittex aktar mill-ħajja u kif ta’ 21 sena kienet marret tistudja fl-Afrika ta’ Isfel u saħansitra għexet l-Amerika. Spjega kif bintu kienet ilha snin tgħix f’Malta, u dejjem rat kif għamlet biex tgħin lil qrabtha u lil sħabha meta jżuru l-gżejjer Maltin. Qal li Shanon kienet kuntenta ħafna f’pajjiżna hekk kif Malta hawn ħafna opportunitajiet biex timxi ‘l quddiem.
Minkejja li kienet ferħana f’Malta, oħt Shannon, Danique, spjegat kif oħtha kellha l-ħsieb biex madwar sena oħra titlaq mill-pajjiż u tfittex sfida oħra f’pajjiż ieħor bħal Spanja jew il-Portugall. Spjegat kif oħtha kienet togħġobha l-kultura Mediterranja u li minkejja ma kinitx taf issajjar, kienet tħobb żaqqha.
Danique semmiet ukoll kif tmur fejn tmur, oħtha dejjem kellha fi ħsiebha biex tieħu lill-kelba tagħha magħha hekk kif kellha imħabba kbira għall-annimali u żgur ma kinitx se tabbandunaha kif ġieb u laħaq.
Shannon kienet tagħmel parti mill-komunità Olandiża f’Malta u kienet ukoll membru fl-Assoċjazzjoni taż-Żgħażagħ Olandiżi f’Malta fejn flimkien ma’ seħibha Tim Jacobs, Shannon kienet torganizza attivitajiet immirati għall-komunità Olandiża f’Malta.
Intant il-komunità Olandiża qed tippjana biex tagħmel protesta silenzjuża sabiex jikkommemoraw il-memorja ta’ ħabiba tal-qalb.
Fl-intervista, missier Shannon spjega kif issa l-familja se tibqa’ tiftakar fil-mumenti sbieħ u kif qed jistennew fuq ix-xwiek li l-katavru tagħha jiġi rrilaxxat għad-difna sabiex tirritorna ma’ familtha lejn art twelidha u tingħata l-aħħar tislima kif jixirqilha.
Intant l-eks maħbub tagħha, l-Olandiż Jelle Rijpma ta’ 22 sena, qed jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti l-għada tas-sejba makabra tal-katavru ta’ Shannon fejn qed jiġi mixli bil-qtil tagħha.