Li kieku mqar id waħda ħanina tpoġġi fjura fuq il-qabar ta’ ibni! Din kienet ix-xewqa prinċipali ta’ dawk il-ġenituri li mhux biss tilfu lil uliedhom waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, imma li kellhom ukoll jgħixu mal-fatt li dawn ġew midfuna fil-pajjiżi barranin fejn mietu. Il-kunflitt li dam għaddej 4 snin ħasad il-ħajja ta’ madwar 11,000,000 suldat u 8,000,000 ċivili.
Għall-100 anniversarju mill-Armistizju tal-11 ta’ Novembru 1918 li wassal għal tmiem il-gwerra, Heritage Malta ngħaqdet ma’ ħafna oħrajn madwar id-dinja biex tikkommemora dan il-jum.
Nhar il-Ħadd, 11 ta’ Novembru, Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-1st Hamrun Scout Group fakkru dan l-anniversarju permezz tad-daqq tat-trumbetti li nterpretaw il-Battle’s Over u l-Last Post f’Villa Bighi, il-Kalkara. Matul il-lejl, il-faċċata ta’ Villa Bighi u ta’ Forti Sant’Iermu nxtegħlu b’dawl aħmar b’rappreżentazzjoni tal-Beacon of Light li jissimbolizza d-dawl tal-paċi li ħareġ mid-dlamijiet ta’ 4 snin ta’ gwerra.
It-Tnejn, 12 ta’ Novembru, Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Commonwealth War Grave Commission, ir-Royal British Legion (Malta G.C. Branch), u ir-Royal Naval Association (Malta G.C. Branch), taw ir-rispett tagħhom lill-vittmi tal-Ewwel Gwerra Dinjija permezz ta’ avveniment li ġie organizzat fiċ-Ċimiterju Militari tal-Pietà.
Studenti tal-Form 4 li qed jistudjaw l-Istorja fil-Kulleġġ ta’ San Injazju l-Ħandaq, il-Kulleġġ ta’ San Ġorġ Preca l-Ħamrun, u l-Kulleġġ ta’ Santa Tereża fl-Imrieħel, ipparteċipaw f’din it-tifkira. Tliet studenti qraw poeżija, ittra li nkitbet waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija u sors letterarju.
Charles Debono, Kuratur tal-Mużew tal-Gwerra ta’ Heritage Malta, tkellem dwar ir-rwol ta’ Malta waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija meta l-gżejjer nbidlu f’infermerija kbira; b’25,000 sodda ġewwa 27 sptar u kampijiet ta’ konvalexxenza mqassma madwar iż-żewġ gżejjer. Dawn impjegaw tim mediku ta’ 3,300 membru li ħa ħsieb mhux inqas minn 125,000 suldat ferut.
Barra minn hekk, madwar 20,000 Malti ngħaqdu mal-Forzi Brittaniċi fuq il-kampijiet tal-battalja, filwaqt li aktar minn 16,000 tarznar u ħaddiema tal-port ħadu ħsieb il-bastimenti tal-Alleati li kienu mdaħħla f’dan il-kunflitt. F’dan iż-żmien il-gżejjer Maltin laqgħu wkoll 2,340 priġunier tal-gwerra.
Mark Fitzgerald, li jirrappreżenta l-Commonwealth War Grave Commission, fisser ir-rwol ta’ din il-Kummissjoni għaż-żamma u l-kura ta’ numru ta’ ċimiterji.
Peter Robinson MBE, Ċermen tar-Royal British Legion (Malta G.C. Branch) tkellem dwar ir-rwol ta’ dan il-grupp li għandu l-għan li joħloq kuxjenza dwar il-konsegwenzi tal-gwerra.
Dan l-avveniment ġie fi tmiemu bid-daqq tal-Last Post mill-Maestro Joseph Chircop u bit-tqegħid ta’ bukketti tal-fjuri fuq il-mafkar taċ-ċimiterju militari.
L-istudenti li attendew ġew akkumpanjati għal żjara tal-oqbra tal-Ewwel Gwerra Dinjija li jinsabu fiċ-Ċimiterju Militari tal-Pietà.