F’konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti saħaq li f’jumejn mindu ħareġ ir-reġistru għall-kuntratturi u l-bennejja diġa rreġistraw mal-mitt persuna involuti fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Qal li l-assoċjazzjoni li jmexxi se tara li tiġi organizzata l-industrija tal-bini għaliex huma l-ftit żviluppaturi li jitfgħu isem ħażin fuq il-kumplament tal-iżviluppaturi rashom fuq għonqhom.
“Qed naħdmu biex nikklassifikaw il-kuntratturi permezz tar-reġistru li issa kull kuntrattur jew bennej irid jirreġistra għalih sa Settembru li ġej”, saħaq Sandro Chetcuti.
“Irridu nikklassifikaw il-kuntratturi bejn dawk il-kbar li jidħlu għal xogħol massiċċ u oħrajn li jieħdu xogħolijiet iżgħar”, qal Chetcuti.
Huwa faħħar dak li għamel il-Gvern billi għamel notifika legali anki fid-dawl tal-aħħar każijiet li ġraw fejn xi binjiet iġġarrfu.
Il-President tal-MDA qal li dan ir-reġistru li għalih hemm erba’ kategoriji li jridu jirreġistraw għalih fosthom il-kuntratturi li jwaqqgħu l-bini jew dawk li jiskavaw fuq il-lantijiet, ilu jiġi proponut mill-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi.
Spjega kif aktar kuntratturi jistgħu jirreġistraw biex il-qasam jiġi regolat billi anki jidħlu fuq is-sit online tal-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi.
“Din hija revoluzzjoni li rridu nwettqu biex nevitaw inċidenti futuri”, spjega s-Sur Chetcuti.
Qal li għal dan ir-reġistru ntalab ħlas amministrattiv ta’ ħamsin ewro, li huwa ħlas minimu.