F’jum wieħed daħlu xejn inqas minn 1,650 applikazzjoni għal Skolasajf.
Biex issa t-total t’applikazzjonijiet għal Skolasajf laħħaq is-6650 applikazzjoni.
Din is-sena Skolasajf ser tkun qed tibda fl-ewwel ta’ Lulju jiġifieri ħmistax qabel is-soltu.
Iċ-chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li tieħu ħsieb il-programm ta’ Skolasajf qalet li għandek ċentri ta’ Skolasajf li diġà mtlew.
“Wara ġurnata għaliex ukoll kellna dan l-ammont kbir illi applika wara l-ewwel ġurnata, l-ammonti bdew jonqsu, għalfejn? Għaliex kien hemm xi ċentri li ġew fully booked u allura naqqsu wkoll.”
“Għat-tfal se tkun esperjenza edukattiva mill-isbaħ wara aktar minn tliet xhur ‘il bogħod mill-iskola”, spjegat Schembri li saħqet fuq kif bħalissa qed issir ħidma biex it-tfal ikollhom attivitajiet edukattivi extra-kurrikulari f’ambjent sigur.
“Aħna ma rridux li noħorġu t-tfal, nieħduhom l-iskola u qed inpoġġuhom f’periklu jew f’riskju. La lilhom, la lill-ħaddiema li jaħdmu mal-Fondazzjoni u wisq anqas lis-soċjetà inġenerali u allura se nkunu qegħdin nimxu ma’ dawn il-protocols, se jkun hemm sanitizers, se nkunu qed naraw it-temperaturi, insomma se jkun hemm protocol li se nkunu qed nimxu miegħu.”
L-applikazzjonijiet għal Skolasajf reġgħu fetħu u jagħlqu nhar it-Tlieta li ġej.
Il-benefiċċju għall-ġenituri li waqfu jaħdmu minħabba l-imxija biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom ġie estiż sat-3 ta’ Lulju.
Dan sar eżatt maż-żmien meta Skolasajf se tibda skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.