Mal-1,400 immigrant fuq ħmistax-il dgħajsa daħlu f’Lampedusa, fl-Italja, matul il-jum tal-bieraħ.
Dgħajsa minnhom kienet qed iġorr mal-400 persuna u oħra ftit aktar minn 300 persuna.
Dgħajjes oħra kellhom ferm inqas numri ta’ immigranti abbord.
Is-Sindku ta’ Lampedusa Toto Martello ġie rappurtat jgħid lill-istazzjon RAI, li l-iżbarki mistennija jiżdiedu hekk kif it-temp bnazzi se jagħmel iżjed il-qalb biex aktar immigranti jaqsmu l-Mediterran mill-Afrika ta’ Fuq.
“Jeħtieġ nerġgħu nibdew id-diskussjonijiet dwar l-immgirazzjoni”, saħaq is-Sindku ta’ Lampedusa, gżira ferm qrib tat-Tuneżija iżda parti mit-territorju Taljan.
Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, l-Italja rat id-dħul ta’ 11,000 immigrant, mal-4,000 iżjed mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.