Fit-33 Ħadd tas-sena, Malta qed tfakkar il-memorja tal-vittmi li sfaw maqtula fiż-żewġ gwerer dinjija.
B’hekk Malta qed tingħaqad mal-kumplament tal-pajjiżi tal-Commonwealth li matul dawn il-jiem ukoll qed jiċċelebraw Jum it-Tifkira.
Fost l-ogħla karigi f’pajjiżna ngħaqdu flimkien fil-Belt Valletta sabiex anki huma jagħtu ġieħ lil dawn il-vittmi.
Preżenti għall-attivitajiet fil-belt kapitali kien hemm il-President ta’ Malta Georhe Vella u martu Miriam Vella, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ Dr Lydia Abela u l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Magħhom ingħaqdu wkoll diversi membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra u membri tal-ġudikatura.
Fil-Kon-Katidral, l-Arcisqof ta’ Malta Charles Scicluna tkellem dwar kif għandna nfakkru l-memorja ta’ dawn il-vittmi għaliex ħallew ħajjithom biex pajjiżna jibqa’ liberu, sovran u demokratiku.
Hu rrimarka kif din il-pjaga tal-Gwerra għadha fostna u filwaqt li aħna qed infakkru l-memorja, bosta qegħdin imutu.
Fl-omelija, l-Arċisqof Scicluna rrimarka li minħabba l-kefrija tal-bniedem u d-dnub, il-kunflitti saru parti integrali minn ħajjitna.
Hu għamel referenza għall-profeti tal-ġustizzja u l-imħabba li ġew eliminati għaliex kienu vuċi skomda u xewka f’dahar il-bniedem, kif kien Ġesu Kristu nnifsu.
Scicluna spjega kif Kristu kien hu wkoll vittma innoċenti ta’ proċess inġust u kalunnji.
L-Arċisqof Malti sellem lill-eluf ta’ vittmi li ntbagħtu għall-qatla minħabba deċożjonijiet ta’ min kellu l-poter u uża lil dawn il-vittmi f’logħba kiefra li ħalliet biss warajha orfni, romol u tbatija.
Hu temm l-omelija tiegħu jgħid li aħna bħala bnedmin li qed ingawdu ħajjitna, nibqgħu midjunin lejn dan is-sagrifiċċju li għamlu dawn il-vittmi u għandna nitolbu sabiex l-umanita ma tibqax titlob dan is-sagrifiċċju miż-żgħażagħ tagħna.
Wara quddies fil-Kon-Katidral, iċ-ċerimonja tat-tifkira kompliet fil-Furjama quddiem il-monument tal-Gwerra fejn il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, l-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni rappreżentat mill-Onorevoli Robert Cutajar, tefgħu kuruna tal-fjuri.