Fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Rikonoxximent tal-Voluntiera, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żar is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar li ilha mill-bidu li meta faqqgħet il-pandemija tipprepara għal dak li jista’ jinqala’ f’pajjiżna. Is-Soċjetà kienet f’kuntatti kontinwi ma’ soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar ta’ pajjiżi oħra biex tara kif tista’ tkun ta’ għajnuna f’Malta.
Waqt din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima li kien akkumpanjat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, qal li għandna nagħmlu kuraġġ, nisimgħu l-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa u nagħmlu użu mis-servizzi utli li qed jiġu offruti. Żied li dawn l-għaqdiet volontarji qed jagħtu eżempju ċar ta’ kif il-pajjiż kollu għandu jkun magħqud f’dan il-mument ta’ sfida.
“Minn qalbi, u f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha, nixtieq nirringrazzjahom ta’ dan il-ġest sabiħ. Hu f’mumenti bħal dawn li tispikka ferm l-għaqda nazzjonali u l-ġenerożità li magħruf għalihom dan il-poplu. Aktar minn qatt qabel, għandna bżonn lil xulxin biex negħlbu din l-isfida,” żied is-segretarju parlamentari.
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet fi ħdan is-Soċjetà, Robert Brincau, spjega li beda proċess ta’ taħriġ għall-voluntiera u għall-impjegati tagħha u li għamlet reviżjoni tal-bżonnijiet ġodda u diversifikazzjoni ta’ xogħol li kien meħtieġ. Qal li sar investiment qawwi f’apparat ta’ protezzjoni għas-saħħa u għas-sigurtà kemm tal-voluntiera kif ukoll tal-impjegati għall-użu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
“Fost is-servizzi li s-Soċjetà bdiet toffri, kien hemm li jitwasslu bżonnijiet ta’ ikel u mediċina lil persuni vulnerabbli u lil dawk li ma jistgħux joħorġu mid-djar. Dan qed isir b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali u ma’ entità privata ta’ karozzi tal-kiri li offriet diversi vetturi biex tista’ tintlaħaq id-domanda,” spjega Robert Brincau.
Is-Soċjetà tas-Saliba l-Aħmar qed toffri wkoll servizzi ta’ thermal screening f’azjendi kbar tal-ikel, entitajiet parastatali u f’oħrajn privati, kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema.
Din l-għaqda volontarja għaddejja bi proġett ta’ kliniċi mediċi f’ċentri miftuħin għar-residenti immigranti li jitmexxew mill-membri tagħha, mi-tobba u mill-infermiera. F’din il-klinika se jkunu jistgħu jkomplu jsiru wkoll is-swabbing tests u jkun jista’ jilqa’ fih madwar 150 persuna miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.