Il-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Settembru, se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għal ġurnata ta’ attivitajiet u avvenimenti, inkluż l-ispazju miftuħ fuq barra, fejn wieħed ikun jista’ jsegwi sew ir-regatta ta’ Jum il-Vitorja.
Dakinhar, il-fortifikazzjoni storika, immexxija mill-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta, se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn id-9:00 ta’ filgħodu u s-7:00 ta’ filgħaxija, b’aċċess anke għan-naħa ta’ fuq tagħha.
Fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu se jkun hemm żewġ quddisiet, waħda fil-Kappella tat-Twelid tal-Madonna, u oħra fil-Kappella ta’ Sant’Anna, fejn il-Granmastru kien imur jitlob fiha fl-Assedju l-Kbir.
Fuq dan u aktar tkellimna ma’ Trevor Mizzi, Prinċipal ta’ Heritage Malta, li qasam magħna l-programm imħejji għall-Ħadd.
“Nhar il-Ħadd li ġej, Heritage Malta se tistieden lill-pubbliku Malti għal dan il-ftuħ speċjali tal-Forti Sant’Anġlu. L-attivitajiet se jibdew minn kmieni filgħodu b’quddies fil-Kappella tan-Natività, li ġiet irrestawrata dan l-aħħar, se jkun hawn quddiesa fid-09:30. L-attività, imbagħad, tkompli b’kommemorazzjoni tal-Assedju l-Kbir, li ssir fuq il-monument tal-Assedju, u wara b’renactments li se jkun hawn madwar il-Forti. F’nofsinhar ikun hemm quddiesa wkoll fil-Kappella ta’ Sant’Anna. Għal dakinhar u, għall-ewwel darba, se tkun miftuħa wkoll il-kripta taħt il-Kappella ta’ Sant’Anna fejn kienu midfunin l-ewwel erba’ Granmastri ta’ Malta. L-attività, imbagħad, tkompli wkoll waranofsinhar bir-regatta nazzjonali li tista’ tiġi segwita mill-Forti Sant’Anġlu wkoll.”
Il-Prinċipal ta’ Heritage Malta, Trevor Mizzi
Għall-Ħadd li ġej biss, il-prezz tad-dħul ukoll se jkun imraħħas għal €3, waqt li l-Passaport ta’ Heritage Malta mhux se jkun applikabbli.