Fit-talba tal-Anġelus mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku fil-Vatikan, il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku wassal il-messaġġ tal-ewwel jum tas-sena lill-mijiet ta’ nies li nġabru fi Pjazza San Pietru.
Liturġikament, il-Knisja Kattolika fl-ewwel ta’ Jannar tiċċelebra s-solennità ta’ Marija omm Alla, iżda tiċċelebra wkoll Jum il-Paċi.
Kien għalhekk li kif għamel f’okkażjonijiet oħra, fosthom dak riċenti tal-Urbi Et Orbi f’jum il-Milied, Franġisku wassal messaġġ b’saħħtu kontra l-ġlied u l-gwerer.
Il-Papa appella biex kif għamlet il-Madonna ma’ binha Ġesu, l-ommijiet kollha dejjem jindukraw u jħobbu lil uliedhom bla qies.
Fil-messsaġġ tiegħu, is-Suċċessur ta’ Pietru għamel referenza wkoll għall-aħħar żviluppi li ġraw f’Nicaragua, fejn 12-il saċerdot ġew arrestati wara li l-President ta’ dan il-pajjiż Daniel Ortega ħalef li jeqred il-knisja kattolika u dawk li jopponuh politikament.
Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu billi awgura lil kulħadd is-sena t-tajba, mimlija dejjem b’paċi, filwaqt li talab lill-pubbliku sabiex iżommuh f’talbhom.