Il-ward aħmar jibqa’ fost l-aktar popolari ma’ dawk li jixtru l-fjuri għall-maħbubin tagħhom f’Jum San Valentinu. Jgħid dan d-disinjatur tal-fjuri Alistair Fenech.
Huwa qalilna wkoll li, minkejja dan, hemm nies li jfittxu fjuri oħra u ma jfittxux il-ward aħmar iżda fjuri u kuluri alternattivi.
“Il-ward l-aħmar, ovvjament, għandu sinifikat tal-imħabba, passjoni, allura huwa veru tal-okkażjoni, biex ngħidu hekk, ta’ din il-festa partikolari. Pero’, imbagħad, hemm l-abjad, fejn anke għal ħafna nies huwa sinonimu aktar mal-mewt jew meta xi ħadd jiġi nieqes, pero’ għandu l-purita’ fih, jiġifieri għandu s-sabiħ tiegħu, għaliex abjad huwa abjad, ovvjament. Imbagħad hemm kuluri oħrajn li għandhom anke meanings naqra differenti.”
Alistair Fenech spjega s-sinifikat differenti li jġorru magħhom fjuri bi lwien differenti.
“Hemm kuluri differenti u anke shadings differenti. Jiġifieri għandek, eżempju, il-kulur roża huwa sinonimu mal-kuntentizza, hemm l-isfar, per eżempju sinonimu li jekk trid tilqa’ lil xi ħadd lura, per eżempju xi ħadd se jasal lura wara ħafna żmien, bħala welcome.”
Meta mistoqsi dwar fjuri bi lwien mhux naturalili jkunu miżbugħin, huwa qal li minkejja li jifhem il-gosti personali ta’ kulħadd, huwa għandu r-riservi tiegħu dwarhom, hekk kif dawn ikunu mmanipulati mill-bniedem bil-kulur. Huwa qal li dan jaffetwa u jnaqqas ukoll il-kwalità tal-fjura. Jistqarr li, personalment, jippreferi kuluri naturali.
“Hawn fjuri kkuluriti, hawn fjuri li huma manipulati bil-kulur, jiġifieri għandek rainbow roses, għandek ir-roses il-blu, imma jien nzertajt ftit xettiku.”
Apparti l-ward, hawn min ifittex rigali romantiċi li jitgawdew għal perjodi itwal, bħall-pjanti, xemgħat, diffusers, soft toys, ħelu, jew xampanja. Fenech iqis li rigali bħal dawn jikkumplimentaw tajjeb Il-fjuri li wieħed jagħti lill-maħbub jew maħbuba.
Ritratt: Interflora