Il-31 ta’ Marzu din is-sena ħabat ukoll mal-akbar festa tal-Knisja Kattolika l-Għid il-Kbir.
Minħabba dan, u biex tkun iċċelebrata il-Festa ta’ Kristu Rxoxt kif jixraq, aktar kmieni mis-soltu, ngħatat tislima lill-Malta Ħielsa fuq l-għolja tal-Ħelsien f’Xatt ir-Risq fil-Birgu.
Iċ-ċerimonja bdiet billi l-Forzi Armati ta’ Malta mmarċjaw għalenija lejn il-monument tal-Birgu. Hemmhekk l-istess parata laqgħet lill-Eċċelenza Tiegħu l-President ta’ Malta George Vella li ntlaqa’ mis-Sindku tal-Birgu John Boxall.
Din hija waħda mill-aħħar okkażjonijiet tat-Tabib Vella bħala l-President tar-Repubblika minħabba li t-terminu tiegħu jispiċċa nhar il-Ħamis li ġej.
Il-President Vella wara ltaqa’ u tħaddet mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Minnufih sellem lil pajjiżna mad-daqq tal-Innu Nazzjonali u spezzjona l-gwardja tal-Unur.
Kien il-President Vella l-ewwel li sellem lil Malta Ħielsa fejn poġġa l-fjuri f’ riġlejn il-Monument tal-Ħelsien. Flimkien mal-President Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Opozizzjoni Bernard Grech poġġew il-bukketti tal-fjuri u sellmu lil Malta Ħielsa.
Wara l-ogħla awtoritajiet ta’ Malta sellmu lil Malta filwaqt li ndaqq l-Innu Malti, l-innu li jagħti identità u jgħaqqadna bħala aħwa Maltin.
L-istakkament tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta kompla bid-daqq ta’ fanfarra quddiem il-Monument biex il-parata reġgħet imxiet lejn ix-Xatt ta’ Bormla minn quddiem il-Monument tal-Ħelsien.
Monument li jinsab fuq għolja mibnija minn ġebel Malti tas-sejjieħ. Għolja li għandha s-sinfikat li minn jitlaha jiftakar fit-triq li għaddew missirjietna biex kisbu l-Ħelsien. Mixja li kienet waħda ta’ tbatija u għalhekk il-mixja sal-quċċata ta’ din l-għolja hi waħda mħarbta u wieqfa.
Din il-mixja laħqet il-quċċata tagħha nhar il-31 ta’ Marzu 1979, meta fuq l-istess għolja niżlet għall-aħħar darba l-bandiera Ingliża u telgħet dik Maltija u nxtelgħet il-fjamma mill-Perit Duminku Mintoff, fjamma li wara 45 sena għadha tkebbes, sinifkat li Malta baqgħet miexja ‘l quddiem, rajha f’idejha, minkejja l-isfidi li tiltaqa’ magħhom matul iż-żmien.