“F’Josianne l-Għawdxin u l-Maltin għandhom rappreżentanta denja fil-Parlament Ewropew u mid-diskussjoni li kellna flimkien m’għandix dubju li hekk se tibqa’ sal-aħħar ġurnata tal-mandat tagħha.”
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela b’reazzjoni għall-aħbar li l-Ewroparlamentari Josianne Cutajar mhux se tkun qed tikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.
F’kitba fuq Facebook, il-Prim Ministru qal li “mhux biss il-pajjiż, iżda l-Partit Laburista wkoll se jibqa’ jgawdi minn dan għax ħidmietha hija prova ta’ fejn tħabbat il-qalb tar-rappreżentanti tal-Partit Laburista. Dejjem favur Malta. Kif qalet Josianne, m’għandix dubju li se tibqa’ disposta għall-Partit Laburista u nħares ‘il quddiem li nibqgħu naħdmu flimkien.”
Aktar kmieni llum Dr. Josianne Cutajar, Għawdxija u l-iżgħar Membru tal-Parlament Ewropew fi stqarrija fuq il-midija soċjali qalet li din kienet “deċiżjoni diffiċli imma waħda li kien hemm bżonn f’dan l-istadju ta’ ħajti.”
Hija qalet li tinsab “kburija li kelli l-privileġġ li nirrappreżenta lilkom, li nservi lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fuq livell Ewropew. Raddejt il-fiduċja tagħkom lura f’ħidma sfieqa u fejjieda favur pajjiżna. Għamilt pressjoni kontinwa għal politika u liġijiet Ewropej li jirrikonoxxu aħjar ir-realtajiet u sfidi affaċjati minn gżejjer bħal tagħna. Wettaqt ħidma favur qasam diġitali aktar inklussiv, u favur il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ġustizzja soċjali.”
Awgurat lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-kandidati f’isem il-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali li ġejjin u saqħet li se tibqa’ disposta b’ħidmietha.