Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li Jannar ta’ din is-sena kien l-iktar Jannar b’saħħtu li qatt kellna fl-istorja tat-turiżmu. Dan ħabbritu waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu li preżenti għaliha kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan l-ammont huwa ekwivalenti daqs l-aħjar xahar tal-peak season 10 snin ilu. Hija qalet kif Għawdex sar għażla naturali għat-turisti li jżuru pajjiżna u faħħret ir-riżultat pożittiv fiż-żieda ta’ 113% fl-iljieli tul dawn l-aħħar 10 snin. Semmiet ukoll li dawn ir-riżultati pożittivi huma grazzi għall-ħidma kollaborattiva tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Għawdex, u l-ITS. Farrugia Hi qalet li tħares ’il quddiem sabiex flimkien mal-Ministeru għal Għawdex jinħolqu proġetti oħrajn ġodda li jkomplu jattiraw iżjed turisti lejn din il-gżira fosthom bl-industrija tal-agrituriżmu.
Waqt din il-laqgħa, Hi ħabbret ukoll li minn għada se jibda jiltaqa’ b’mod regolari kumitat magħmul minn stakeholders ewlenin fil-qasam tat-turiżmu, dan sabiex id f’id mal-Gvern jissorvelljaw kontinwament l-iżviluppi b’rabta mal-coronavirus COVID-19. F’konsultazzjoni mal-kumitat ċentrali maħtur mill-Gvern, dan il-working group se jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-industrija tat-turiżmu għal Għawdex mhijiex biss sempliċi kontributur ekonomiku, iżda il-mutur ewlieni għall-ekonomija ta’ Għawdex. Hu qal li l-ġid maħluq minn din l-industrija jfisser li huwa d-dmir u r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li dan il-kontributur ekonomiku jiġi sostnut fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li s-suċċess ta’ Għawdex mhuwiex b’kumbinazjoni. Huwa attribwixxa dan is-suċċess għal żewġ fatturi ewlenin: (1) gvern b’viżjoni, pjan u impenn biex iwettaq bla heda, u (2) il-popolazzjoni Għawdxija li taħdem ħafna, li minkejja d-daqs tagħha wasslet lil Għawdex biex issir gżira li jżuruha madwar 1.7 miljun persuna fis-sena. Dan ifisser madwar 50 darba d-daqs tal-popolazzjoni Għawdxija. Dawn iċ-ċifri jixhdu l-importanza kbira tat-turiżmu f’Għawdex. Hu faħħar l-isforzi tad-Direttorat tal-Kultura li jorganizzaw u jamministraw bosta attivitajiet biex iżommu lil Għawdex ħaj tul is-sena kollha u jattiraw it-turiżmu lejn Għawdex. Hawn fakkar fiċ-ċifri rekord ta’ nies li qasmu lejn Għawdex għall-jiem tal-Karnival. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm id-diskors tiegħu billi qal li se jkompli jaħdem bla waqfien biex Għawdex ikun id-destinazzjoni tal-għażla ta’ aktar Maltin u turisti.