Sal-aħħar ta’ Jannar li ġej it-traffic lights li bħalissa hemm fil-junction tal-Addolorata fil-Marsa se jkunu tneħħew darba għal dejjem.
F’anqas minn xahar mindu nfetħu l-ewwel żewġ flyovers fil-Marsa, il-Contracts Manager ta’ Infrastruttura Malta Christabelle Duca qalet li sal-aħħar ta’ Jannar mistennija jinfetħu għat-traffiku żewġ flyovers oħra, fosthom l-itwal flyover fil-pajjiż.
Żiedet tgħid li kemm-il darba t-temp jippermetti, sal-aħħar ta’ Marzu għandhom jinfetħu żewġ flyovers oħra.
Il-Perit responsabbli mill-proġett Raphael Abdilla spjega li l-Ħamis filgħodu bdew jitpoġġew f’posthom l-ewwel sett ta’ travi li jagħmlu parti minn dan il-flyover li minn Triq Aldo Moro jieħdok għal Vjal Santa Luċija.
Sabiex ikun jista jitkompla x-xogħol fuq il-bini tal-kumplament tal-pilastri ta’ dan il-pont mill-Ġimgħa filgħaxija Infrastructure Malta se tagħlaq għat-traffiku żewġ karreġġjati minn niżla tal-Addolorata.
Ġaladarba jitlesta dan il-proġett it-traġitt minn u lejn in-Nofsinhar ta’ Malta se jsir aktar faċli għall-100,000 persuna li ta’ kuljum jgħaddu minn din l-aktar żona traffikuża fin-Nofsinhar tal-pajjiż.