Wara għadd ta’ xhur li fihom ġew irrapportati rati b’saħħtihom ta’ rkupru, it-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Jannar li għadda, qabeż il-livelli tal-2019 għall-ewwel darba minn Frar 2020.
Fil-fatt ċifri uffiċjali tal-Ajruport Malti juru li t-traffiku ta’ Jannar ammonta għal 379,335 moviment tal-passiġġieri, jiġifieri żieda ta’ 3.6% fuq l-istess xahar fl-2019.
Filwaqt li dan ir-riżultat huwa wieħed li jawgura tajjeb għall-irkupru tal-ajruport, ta’ min jinnota li ma qabiżx it-traffiku ta’ Jannar 2020, li b’aktar minn 418,096 moviment tal-passiġġieri baqa’ l-aktar Jannar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fi stqarrija ntqal kif kważi 77% tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu okkupati matul ix-xahar ta’ Jannar, riżultat li wera li d-domanda għall-ivvjaġġar baqgħet b’saħħitha.
Filwaqt li f’Jannar kien hemm titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lejn 31 suq differenti, l-Italja żammet postha fil-quċċata tal-lista b’85,618-il moviment tal-passiġġieri. Ir-Renju Unit ġie fit-tieni post bi 58,836 moviment tal-passiġġieri, u kien segwit minn Franza, il-Polonja u l-Ġermanja.