Fit-23 ta’ Jannar se tkun qed iżżur lil Malta l-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt it-tħabbira tar-rinnovar tal-binja ċentrali tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Floriana b’investiment ta’ erba’ miljun ewro.
Bonett spjega kif bħalissa fadal l-aħħar ftit negozjati b’rabta mal-programmi operattivi tal-Fondi Ewropej għas-snin 2021-2027.
Qal kif f’Jannar il-Kummissarju se tkun qed iżżur Malta għal avveniment importanti fejn pajjiżna se jkun qed jibda jutilizza it-€2.2 biljun li rnexxielu jġib lejn Malta l-Prim Ministru Robert Abela fl-elfejn u għoxrin.
Qal, “Iż-żjara tal-kummissarju ferreira hija rikonoxximent tax-xogħol ta’ dan il-Gvern biex jagħlaq in-negozjati tal-fondi ewropej għall-fondi l-ġodda, dawk tal-2021/2027 li minn jannar li ġej se nibdew nużawhom. Konna tajniha l-kelma li sa diċemrbu se nagħlqu n-negozjati u rnexxielna nagħlquhom sa ottubru. Għalekk anke meta tqis il-fatt li diġà nfaqna tmenin fil-mija tal-fondi li għandna għaddejjin bħalissa, malta tinsab f’waħda mill-aqwa pożizzjonijiet u l-Kummissarju Ferreira ħasset wara l-istedina tagħna li wasal iż-żmien li tiġi lejn Malta u tara x’qed nagħmlu bil-fondi u flimkien mal-prim ministru titħabbar il-viżjoni tal-gvern għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin permezz ta’ dawn il-fondi.”