Ċifri preliminari juru li f’Jannar li għadda l-iżbilanċ bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni naqas bi kważi €135 miljun ewro meta mqabbel ma’ Jannar tas-sena li għaddiet.
L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li miċ-ċifri preliminari joħroġ li f’Jannar l-iżbilanċ kummerċjali ta’ Malta kien ta’ €204.5 miljun. F’Jannar tas-sena l-oħra l-iżbilanċ bejn dak li Malta timporta u dak li tesporta kien ta’ aktar minn €339 miljun ewro.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li f’Jannar li għadda, l-importazzjoni naqset bi kważi €122 miljun waqt li l-esportazzjoni minn Malta żdiedet bi €13-il miljun.
L-importazzjoni ta’ Malta minn pajjiżi Ewropej laħqet aktar minn €332 miljun ewro, jew kważi 70 fil-mija tal-prodotti kollha importati f’Malta. Min-naħa l-oħra l-akbar żieda fl-esportazzjoni kienet irreġistrata lejn is-suq Taljan b’aktar minn €27 miljun.