Fil-jiem li għaddew wasal Malta l-monument li se jitqiegħed fi Pjazza Kastilja biex jagħti ġieħ lill-Maltin kollha li taw sehemhom biex il-poplu Malti sar nazzjon.
Il-monument ifakkar il-mixja twila tal-poplu Malti biex wara sekli twal ta’ ħakma barranija rnexxielu jieħu r-riedni tad-destin tiegħu f’idejh u bħalissa saħansitra jinsab fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Filfatt, isem il-mafkar huwa “Fjamma li ma tmut qatt” – isem li jixhed il-ħeġġa u l-ħidma kontinwa tal-Maltin biex jiddeċiedu l-ġejjieni tagħhom huma stess filwaqt li jkomplu jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom.
Il-monument inħadem fil-bronż fuq disinn tal-artist Valerio Schembri. Ftit wara l-wasla tiegħu f’Malta, il-mafkar ittieħed f’postu fi Pjazza Kastilja biex ikomplu jsiru x-xogħlijiet meħtieġa qabel ma jiġi inawgurat.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jinawgura l-mafkar f’ċerimonja li se ssir il-Ġimgħa 12 ta’ Mejju u li matulha se jittella’ spettaklu ta’ dwal u storja.
Dan il-monument jiżen madwar ħames tunnellati u l-proċess biex inħadem kien wieħed twil u saret ħidma fuqu saħansitra fl-Italja. Wara li tpoġġa fi pjazza Kastilja. issa se jibda x-xogħol fuq il-pavimentar u d-dawl ta’ fiż-żona ta’ madwar il-monument.