Se jsiru l-fjakkolata tradizzjonali u l-kunċert Symphony of Lights li ta’ kull sena jsiru fl-irħula ta’ Santa Luċija ħdejn Kerċem.
Waqt it-tnedija ta’ dawn l-attivitajiet, li issa saru jiffurmaw parti mill-programm Opera Month li nieda l-Ministeru għal Għawdex, il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-viżjoni biex il-kultura tinfirex ma’ kull rokna tal-gżira qed tintlaħaq. “Permezz ta’ dawn iż-żewġ attivitajiet, l-element tal-opra se joħroġ mit-teatri li huma tradizzjonalment assoċjati magħhom u jersaq aktar qrib in-nies,” tenniet l-Ministru Caruana.
Hija qalet li dawn iż-żewġ avvenimenti ma tħallewx iżolati iżda ġew inkorporati fi programm ikbar u usa’ ta’ attivitajiet. Hi qalet li l-Ministeru għal Għawdex huwa dejjem favur dawn l-inizjattivi u dejjem jassisti inizjattvi li jgħinu biex aktar Maltin u turisti jżuru lil Għawdex anke fix-xhur tax-xitwa.
Is-Sur Alfred Stellini,Chairperson tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija, qal li l-fjakkolata ilha ssir għal aktar minn 30 sena fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Fatima. Huwa rringrazja lill-Ministeru għal Għawdex tas-sostenn biex dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru.
Il-fjakkolata tradizzjonali se ssir fuq l-għolja ta’ Għar Ilma nhar il-Ħadd, 14 ta’ Ottubru u tibda fis-7 ta’ filgħaxija.
Il-kunċert mużikali Symphony of Lights se jsir il-Ġimgħa, 19 ta’ Ottubru u jibda fit-8.30 ta’ filgħaxija. Kulħadd mistieden jattendi għaż-żewġ spettakli li se huma bla ħlas.