Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nieda servizzi ġodda li ser ikunu t’għajnuna għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità. Huwa kien qed jindirizza attività organizzata mill-Welfare Committee bħala parti mill-attivitajiet tal-Milied.
Mis-sena d-dieħla, l-Ministeru ser jibda joffri s-servizzi ta’ fiżjoterapista, hairdresser u barbier lil dawk l-anzjani u l-persuni b’diżabilità li qed jirċievu s-servizz ta’ homehelp u li ma jistgħux joħorġu minn djarhom. B’hekk persuni bi ħtiġijiet differenti ta’ mobbiltà jgawdu mill-aħjar kundizzjonijiet. Huwa qal li b’dawn is-servizzi, li ser ikunu bla ħlas, l-anzjani u persuni b’diżabilità li ma joħorgux minn djarhom ser tingħatalhom id-dinjità li tassew tixirqilhom.
Il-Ministru Refalo tenna li minn dawn is-servizzi se jkunu qed jibbenefikaw madwar 100 persuna, li l-biċċa l-kbira minnhom huma anzjani.