“Tridu tkunu intom li tiddeċiedu l-futur tagħkom”.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’rally bit-tema Malta Flimkien fiż-Żurrieq quddiem folla ta’ nies li nġabret bi ħġarha biex tisma’ d-diskors tal-Prim Ministru.
Fl-indirizz tiegħu Dr Abela aċċenna għad-deċiżjonijiet responsabbli ta’ Gvern Laburista fosthom dik li jerfa’ l-piżijiet taż-żidiet fil-prezzijiet fosthom dawk tal-enerġija.
“Kellna għażliet importanti dakinhar jew li nagħmlu kif għamlu ta’ qabilna fl-2008 fejn fi kriżi ekonomika ferm iċken xeħtu l-piż fuq in-nies. Min seta’ jerfa’ l-piż, min felħu refgħu, min ma felħux għotor. U rajna x’ġara b’din it-tip ta’ politika tas-sikkar taċ-ċintorin. Kellek żmien fejn il-qgħad spara ’l fuq. Domna sal-2016 biex niżżilnih il-qgħad erġajna. Kellek ekonomija li friżat u l-pajjiż bagħata l-konsegwenzi u l-għażla awtomatika insejħilha jien li ħadna f’Marzu tal-2020 kienet li ninvestu fin-nies, ninvestu fin-negozji tagħna, li nipproteġu s-saħħa tan-nies. Dak li għamilna. U għalhekk li l-għażla tallum, tas-26 ta’ Marzu hija ta’ importanza akbar.”
Robert Abela – Prim Ministru
Hawn il-Prim Ministru aċċenna għall-inċertezza li ġġib magħha l-Oppożizzjoni li bħalissa tinsab bla kelliem għall-Finanzi.
Dan b’differenza għat-tim li qed ipoġġi ’l quddiem il-Partit Laburista.
Tim ta’ serjetà u kompetenza.
Serjetà li tidher ukoll fil-manifest li qed joffri l-Partit Laburista b’differenza għall-Partit Nazzjonalista li għandu t-terms & conditions.
Fost proposti oħra l-Prim Ministru semma l-garanzija għat-tfal, il-proposti li jolqtu lin-negozji bit-traħħis tar-rata tat-taxxa korporattiva u t-tnaqqis tat-taxxa lill-ħaddiema biex jifdal aktar flus fil-bwiet bit-twessiegħ fit-tax bands.
Dr Abela semma wkoll iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa li Gvern Laburista ġdid jibqa’ jsaħħahom b’differenza għall-Partit Nazzjonalista li biċ-ċar wera li mhux se jkun qed jagħti dawn iċ-ċekkijiet.
Semma wkoll lill-pensjonanti.
“Lill-pensjonanti tagħna li tant għandna għal qalbnatafu magħna fejn qegħdin, żieda ċarata mill-anqas ħmistax il-ewro fil-ġimgħa b’żieda mal-COLA u b’żieda mal-mekkaniżmu addizjonali li qed nagħmlu.”
Robert Abela – Prim Ministru
Fuq kollox il-Prim Ministru tkellem fuq id-deċiżjoni importanti li għandu quddiemu l-poplu.
“Fadal ftit jiem ejja naħdmu flimkien, ejja ħalli nibqgħu nikkonvinċu li l-pjan tagħna jifforma l-aqwa prodott għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Ejja sabiex dak l-elf proposta nikkonvertuhom f’elf kisba. Pajjiżna Malta sabiħa, Malta ta’opportunitajiet aħjar, Malta ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar, Malta flimkein il-futur sabiħ, il-futur f’idejk.”
Robert Abela – Prim Ministru