Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira l-għajnejn kollha jkunu fuq il-bliet u l-irħula li f’pajjiżna jtellgħu l-purċissjonijiet b’dedikazzjoni liema bħala u kostumi rikki u vari mill-isbaħ.
Żorna ż-Żejtun li għandu storja twila li toħodna lura sa nofs is-seklu dsatax. Fil-fatt, il-purċissjoni Żejtunija hija l-itwal waħda f’pajjiżna u din is-sena biss għandha aktar minn sitt mitt persuna jieħdu sehem fiha.
Fosthom hemm James Carabott liebes ta’ suldat u li ilu snin twal idoqq it-tnabar quddiem l-istatwa tar-Redentur.
Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li wara snin weqfin minħabba l-pandemija u t-temp, issa jista’ jerġa’ jiċċelebra l-Ġimgħa l-Kbira kif mistħoqq.
“Emozzjonijiet kbar wara dik il-waqfa li kellna dan l-aħħar tliet snin. Hekk konna qegħdin ngħidu, jiena u l-grupp tagħna ilna tletin sena ndoqqu quddiem ir-Redentur bħala bugles u drums, dejjem ikun hemm dak l-eċitament. Hawnhekk fiż-Żejtun għandna kult kbir tal-Ġimgħa l-Kbira, il-purċissjoni noħduha bis-serjetà u kollha looking forward illum li toħroġ il-purċissjoni wara dawk is-snin weqfin.”
Tkellimna wkoll ma’ Kurt Buhagiar li sibnih maz-ziju tiegħu jipprepara l-kostum ta’ suldat Lhudi għal din il-purċissjoni.
“Naħseb issa ilni tmien snin b’kollox taqta’ ovvjament il-Covid u hekk, personaġġi differenti, ġieli rfajt ukoll f’lokalitajiet oħra.”
Wara l-funzjoni tal-adorazzjoni tas-salib, sibna lil Dun Ġino Gauci, is-Segretarju tal-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira li spjegalna s-sinifikat tal-purċissjoni ta’ dan il-jum.
“Kif fil-Milied noħorġu b’Ġesù Bambin, fil-Ġimgħa l-Kbira noħorġu bi Kristu msallab. Naturalment l-attenzjoni nfirxet fuq ħafna personaġġi oħra imma l-figura importanti hija Kristu fuq is-salib. Tant hu hekk li għadna kif spiċċajna ċelebrazzjoni li fiha ċ-ċentru kien Kristu msallab u adurajnih u bisnieh. Issa se noħorġu nagħmlu dimostrazzjoni jiġifieri se nuru lill-poplu x’inhi l-fidi tagħna, f’min hi l-fidi tagħna.”
Dun Ġino temm jgħidilna li din is-sena kien hemm għatx u stennija kbira għall-purċissjoni din is-sena u spjegalna li l-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żejtun ilu ‘l fuq minn sena jipprepara għal dan il-jum.