Aħjar uff milli aħħ. Hekk jgħid il-qawl Malti li jimxi id f’id mad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern b’rabta mad-Dar tal-Anzjani f’Bormla biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-anzjani residenti fiha.
Dan hekk kif rapport li sar wera li r-residenza, li nbniet tnejn u għoxrin sena ilu minn Gvern Nazzjonalista, tinsab fi stat ta’ periklu b’konkos ta’ kwalità inferjuri fost bosta nuqqasijiet oħra li ma jistgħux jiġu solvuti b’soluzzjonijiet kożmetiċi.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele, li spjega aktar dwar in-nuqqasijiet li hemm b’rabta mal-istandards f’din ir-residenza.
“Kien hemm anke kmamar, numru mhux ħażin, fejn anke l-kamamar tal-banju ma kellhomx ir-requirements għal min jagħmel użu minn wheelchair – fejn wiehed ma jkunx jista’ jdur bil-wheelchair għax il-kmamar huma iżgħar minn dak mitlub mill-istandards.”
Meta r-rapport wera li din ir-residenza kellha aktar nuqqasijiet li ma setgħux jissolvew b’soluzzjonijiet kożmetiċi, kellha tittieħed deċiżjoni għaqlija li tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-anzjani residenti fiha.
Spjega kif waqt li beda jsir xogħol ta’ manutenzjoni, bdew ħerġin aktar problemi.
“Kif tibda twaħħal il-fire alarms, tweħħlu u jibda jifflakeja l-konkrit u paripassu bdejna nagħmlu anke l-gallariji għax dehru li kien hem mxi ħsarat. L-istess, għamilna sejħa għax-xogħlijiet u sirna nafu li l-kwalità tal-konkrit ma kinitx kwalità li wieħed jistenna fil-jum tal-lum li tintuża f’dar tal-anzjani.”
Huwa kompla jispjega kif fix-xhur li ġejjin se jinħareġ tender biex tinbena dar li verament tixraq lill-anzjani tal-Kottonera, bi standards tal-ogħla kwalità.
“Se jibqa’ totalment, b’mod intier, bħala dar residenzjali tal-anzjani. M’hu se jkun hemm ebda żvilupp ieħor, xi lukanda jew ħwienet. Assolutament se tibqa’ dar tal-anzjani li mhux biss tilħaq l-istandards minimi iżda aktar għoljin biex b’hekk igawdi l-anzjan li jirrisjedi fiha.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa, ONE News irrapporta kif waqt li kienu qed jiġu nstallati l-fire alarms f’din id-dar, ħaddiema li kienu qed jgħaddu wajers mis-soqfa nnutaw kif waqa’ amont kbir ta’ konkos – tant li nkixfet ix-xibka.
Kien waqt il-programm Pjazza fuq ONE, li l-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal kif rapport li sar wera li l-konkrit li ntuża tnejn u għoxrin sena ilu għall-binja, kien ta’ kwalità inferjuri.
B’reazzjoni għall-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Ministru qal kif l-azzjoni riedet tittieħed issa, u mhux meta sseħħ traġedja u jkun tard wisq.
Intant, din l-aħbar hi eku ta’ dak li kien seħħ meta nbena l-Isptar Mater Dei taħt Gvern Nazzjonalista, fejn ftit snin wara, rapport kien wera kif anke f’dak il-każ kien intuża konkos ta’ kwalità inferjuri, bix-xogħlijiet korrettivi swew lill-Gvern Laburista miljuni ta’ ewro biex jiġu rimedjati.