Bħalissa għaddejja ħidma biex fiż-żmien li ġej jitlestew 3 residenzi fil-komunità għall-persuni b’diżabilità, immexxija minn Aġenzija Sapport. Dan qed isir b’investiment kapitali ta’ madwar €3 miljun bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta mmexxi mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità.
Dawn id-djar se jiftħu fil-komunitajiet taż-Żurrieq, il-Qrendi u Ħal Kirkop u se jżidu l-ispazju għal massimu ta’ 26 persuna oħra b’diżabilità li permezz ta’ dawn id-djar, ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi residenzjali. Dan bis-sapport ta’ ħaddiema mħarrġa waqt li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jgħixu b’mod inklussiv fis-soċjetà. Permezz tal-ħidma ta’ diversi professjonisti, ġie assigurat li dawn il-binjiet ġodda jkunu moderni, aċċessibbli u li jilħqu l-istandards neċessarji sabiex jipprovdu ambjent adekwat lil dawk il-persuni b’diżabilità li se jkunu qed jgħixu fihom.
Dan l-investiment qed isir ukoll biex id-djar ikunu smart homes, jiġifieri jinkorporaw strutturi u sistemi teknoloġiċi li mhux biss jiffaċilitaw l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità inklużi dawk b’livelli differenti ta’ mobilità, iżda wkoll faċilitajiet u apparat li jikkunsmaw inqas enerġija.
Waqt żjara f’dawn il-binjiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li dawn it-tlett idjar se jkunu qed iżidu l-ammont ta’ djar immexxija minn Aġenzija Sapport għal tlettax. Bħalissa din l-aġenzija għandha disa’ residenzi f’Malta u waħda f’Għawdex. Dawn ir-residenzi bejniethom fil-preżent jilqgħu fihom 70 persuna b’diżabilità. Is-segretarju parlamentari qal li l-għan tas-servizz residenzjali hu li persuna b’diżabilità tgħix f’residenza żgħira fil-komunità biex ikollha kwalità ta’ ħajja tajba u tkun inkluża fil-komunità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li Aġenzija Sapport toffri servizzi għal individwi bi bżonnijiet u b’abbiltajiet differenti – residenti li jistgħu jkunu indipendenti, semi-indipendenti jew dipendenti fuq ħaddieħor. Dan jiġi kkunsidrat u l-klijenti jiġu mqassma fir-residenzi skont il-ħiliet u l-bżonnijiet tagħhom.
Il-klijenti f’dawn id-djar jipparteċipaw fi programmi mfasslin skont l-abbiltajiet differenti tagħhom. L-għan hu biex jingħataw is-sapport meħtieġ sabiex jiksbu l-indipendenza u jilħqu l-miri tagħhom. Il-programmi jiġu mfassla u jsiru mal-klijent sabiex iwassluh għal dak li jixtieq. Dan dejjem bis-sapport kontinwu ta’ diversi professjonisti li jaħdmu flimkien mal-klijent u mal-familja fl-aħjar interess tal-persuna b’diżabilità.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li l-ħajja indipendenti tal-persuni b’diżabilità għandha tingħata prijorità biex b’hekk kulħadd ikollu ċ-ċans jilħaq il-miri tiegħu. Dawn id-djar żgħar fil-komunità huma katina ma’ inizjattivi oħrajn biex il-persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunitajiet tagħhom bl-għażliet tagħhom.