Ix-xahar ta’ Lulju huwa wieħed speċjali għal belt ta’ Bormla.
Dan hekk kif il-Parroċċa ta’ Bormla qed tfakkar il-mitejn anniversarju mindu saret Kolleġġjata.
Spjega magħna aktar dwar x’qed ifakkru l-Bormliżi f’dan ix-xahar is-Segretarju Organizattiv tal-Kumitat għal dawn il-festi speċjali, John Galea.
“Propju fis-17 ta’ Lulju 1822 li l-Parroċċa ta’ Bormla saret Kolleġġjata, jiġifieri l-Paroċċa ta’ Bormla kellha kapitlu ta’ 18-il kanonku, li filfatt wara li preperaw kollox ħadu l-ewwel pussess tagħhom fis-7 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara, 1823.”
L-Arċipriet ta’ Bormla Dun Anton Cassar spjega kif dawn il-festi speċjali se jibdew nhar is-Sibt disa’ ta’ Lulju, meta l-istatwa ta’ Marija Immakulata toħroġ min-niċċa.
Huwa kompla jispjega kif nhar is-Sibt sittax ta’ Lulju, l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni se tkun qed iddur madwar it-toroq tal-belt Bormliżi.
“Pellegrinaġġ ta’ talb, mhux wisq ta’ festa, imma iżjed pellegrinaġġ ta’ talb, b’ringrazzjament lill-Madonna għal Covid u anki tal-200 anniversarju illi qed infakkru din is-sena f’Bormla. Nirringrazzjaw lil Alla u lill-Madonna ta’ kemm saċerdoti ħadmu matul dawn il-200 sena biex iressqu lin-nies għand Ġesu’ u għand Marija.”
Il-festi speċjali jkomplu l-għada, fis-sbatax ta’ Lulju, fil-jum li jitfakkar dan l-anniversarju. Dakinhar se ssir quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna, li wara din il-quddiesa se jpoġġi warda tad-deheb mal-kwadru tutulari ta’ Marija Immakulata.
Din tal-aħħar ftit tal-jiem ilu ġiet imbierka mill-Papa Franġisku, waqt l-Udjenza Ġenerali. Dawn il-festi speċjali huma mistennija mill-Bormliżi, hekk kif l-istatwa devota tal-Kunċizzjoni se toħroġ fit-toroq ta’ din il-belt wara l-pandemija. Apparti dan il-pellegrinaġġ, l-istatwa ta’ Marija Immakulata se toħroġ f’jum il-festa tagħha, fit-tmienja ta’ Diċembru.