Is-survey reali beda s-Sibt li għadda u se jkompli s-Sibt li ġej.
Dan kien kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’intervista waqt attività politika fix-Xagħra, fejn f’messaġġ ċar huwa qal li l-gżira tat-tliet għoljiet se tibqa’ ta’ prijorità fil-ħidma ta’ Gvern Laburista.
Dr Robert Abela semma kif Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja, se jinvesti bil-qawwi fil-qasam ambjentali ta’ pajjiżna u dan jixhdu l-investiment propost ta’ seba mitt miljun ewro li se jara ż-żieda ta’ aktar spazji ħodor u miftuħa.
Dwar dan is-suġġett il-Prim Ministru semma l-proposta li żona fir-Rabat Għawdex tkun waħda miftuħa u ħadra, u anke għall-fatt li jrid li Għawdex ikun climate netural qabel Malta.
“Sfida oħra kbira li għandna quddiemna u li se naslu għaliha u li għandna l-kredibbiltà li naslu għaliha hija li naslu għal climate neutrality f’Malta u f’Għawdex. Imma f’Għawdex irridu naslu qabel Malta. Diġà poġġejna dak it-target ambizzjuż li Għawdex jiġi climate neutral qabel tiġi Malta u tgħidli kif se nkunu qed nagħmluh. Billi l-enerġija li tiġi ġġenerata għall-bżonnijiet ta’ Għawdex tiġi kollha minn sorsi li huma rinovabbli. Target li huwa ambizzjuż se naslu għalih imma. Umbagħad kollox jgħaqqad mal-kreddibiltà u bl-istess mod li għamilna l-investiment infrastrutturali, bl-istess mod li saħħaħna l-ekonomija u bl-istess mod li saħħaħna s-suq tax-xogħol issa l-focus tagħna se jkun ħafna fuq din il-prijorità ġdida li għandu l-pajjiż.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal kif l-għażla hija f’idejn in-nies, jekk iridux imorru lejn il-passat u jekk iridux ikomplu mexjin ’il quddiem għal futur isbaħ.
F’Għawdex huwa nnota d-differenza ċara li hemm bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna u hawnhekk qal li huwa l-Partit Laburista li għandu l-pjan ċar għal kull qasam u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Ftit jiem ’il bogħod mill-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, il-Prim Ministru wassal ukoll l-appell sabiex kulħadd jiġbor il-vot u joħroġ jivvota.
“Nifhem li jista’ jkun hemm weġgħat li jridu jiġu indirizzati dak nistgħu nsolvuhom. Nisimgħu, qed niltaqgħu ma’ kulħadd, qed nilqgħu lil kulħadd u fejn hemm realtajiet li forsi ma kellniex żmien biżżejjed biex nisimgħuhom qed nisimgħuhom. Kellna pandemija li żammitna okkupati ta’ kull ħin u jista’ jkun iva li smajniex biżżejjed, hemm realtajiet li għad irridu nindirizzuhom jew forsi realtajiet relatati mal-lokalità li fiha wieħed jgħix. Qegħdin hemmhekk biex nisimgħu. Is-soluzzjoni li tibqa’ d-dar ma hi soluzzjoni xejn. Ejja flimkien niddeterminaw il-futur tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-pensjonanti, tal-ħaddiema, tas-self-employed, tan-negozji, tal-futur tal-pajjiż b’mod ġenerali ngħid jiena.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, Robert Abela tenna kif vot lill-Partit Laburista jfisser li wieħed se jiddetermina l-futur taż-żgħażagħ, l-anzjani, il-ħaddiema, il-familji u anke n-negozji.
F’messaġġ ċar, il-Prim Ministru qal li l-aqwa investiment huwa fin-nies u għalhekk Gvern Laburista fix-xhur li għaddew baqa’ man-nies u baqa’ jkun ta’ sostenn għalihom.