Minn fjuri tal-larinġ, tal-bakkaljaw jew tal-mandolin għal essenza li taf tfejjaqlek xi uġiegħ ta’ żaqq jew ta’ stonku. L-ilma żahar.
Dan l-istazzjon qasam il-fliegu u żar ir-raħal pittoresk tax-Xagħra Għawdex fejn hemm familja li minn ġenerazzjoni għall-oħra, ilha snin twal tagħmel l-ilma żahar.
F’għalqa biswit il-kamra li minn ġo fiha jagħmel din l-essenza, Lorry Bajada spjega kif jibda l-proċess delikat tal-ilma żahar.
Qal, “L-ewwel naqta’ minn din is-siġra u weraq żgħir tal-għarix tal-bakkaljaw u tiġi hekk x’ħin naqtaha imbagħad jibqa’ dan il-weraq biex naqtgħu biex inkun nista’ niproċessah. Issa x’ħin qtajnih mis-siġra, naqtagħhom hekk biċċiet żgħar u nħallihom il-ward u l-weraq ħalli nkun nista’ nippakkja ġod-distallatur.”
Mill-proċess tal-weraq imbagħad jibda dak fejn isir ilma, b’Lorry jgħidilna li flimkien m’ommu Sunta għadhom jużaw il-makkinarju l-antik qabel jitfgħuh ġot-tramunġani.
Qal, “Issa dak il-weraq li qtajna dak nitfgħu f’din jgħidulha l-borma, imbgħad nitfala żewġt ibramel ilma. Hekk qed nimlih ħallu hu jkun dejjem frisk xħin jimtela’ l-flixkun u dejjem għadu jsir bis-sistema l-antika. Issa bdilnilu l-ilma u għandu din jgħidulha l-ħobża biex xħin tibdillu l-flixkun ikun dejjem frisk ħalli l-ilma zahar jerġa’ joħroġ.”
Lorry u familtu huma l-unika nies f’Għawdex u fost il-ftit f’Malta li għadhom jagħmlu din is-snajja’, li tmur lura għal żmien żem żem.
Lorry qalilna għaliex baqa’ jagħmel l-ilma żahar u l-weġgħa tiegħu għall-fatt li xi darba, din is-snajja’ purament Maltija għad tispiċċa u tinqata’ għal kollox.
Qal, “Bdejtha u tgħallimtha mingħand missieri u hu tgħallihma mingħand in-nannu tiegħi u ġejja minn tal-familja issa kemm se ndumu għadni ma nafx dment li ssib is-siġar u tibqa’ ssib l-għajnuna dejjem se nibqa’ nagħmlu għax dan qiegħed fiha u xħin jasal dan iż-żmien inkun inħares ‘il quddiem biex nagħmlu.”
Lorry temm jgħid li l-ilma żahar hemm minn jużah ukoll biex ifejjaq l-imsaren tal-annimali, jew saħansitra jintuża bħala parti mir-riċetta tal-figolli, pasti jew kwareżimal.