Għada se jingħata bidu għall-Festival tan-Nar tal-Ajru minn ġewwa x-Xagħra Għawdex.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn ġie spjegat kif matul ix-xahar ta’ Settembru se jirritorna l-Malta Fireworks Festival li permezz tiegħu kmamar u għaqdiet tan-nar minn madwar Malta u Għawdex ser ikollhom l-opportunità jtellgħu dan l-ispettaklu kulturali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo spjega li dan il-festival tan-nar ser jibda fil-4 ta’ Settembru minn Għawdex, ikompli fid-9 ta’ Settembru fl-Imqabba, fil-11 ta’ Settembru fil-Mellieħa u jispiċċa bil-kbir nhar l-20 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wera sodisfazzjon li dan il-festival mifrux fuq erbat ijiem se jibda mill-gżira Għawdxija, proprju fix-Xagħra. Qal li, “Dan l-ispettaklu jattira ħafna viżitaturi lejn Għawdex. Din id-darba nħeġġeġ lin-nies sabiex iħarsu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19.”