L-aġenżija ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu internazzjonali Fitch irrevediet il-previzjonijiet tagħha tal-ekonomija ta’ pajjiżna minn waħda stabbli għal pożittiva. Dan filwaqt li żammet ir-rating A.
Fl-aħħar rapport tagħhom, l-analisti ta’ Fitch irrimarkaw li l-iktar riżultati li spikkaw kienu dawk tal-qasam tal-finanzi tal-gvern fejn id-dejn nazzjonali niżel għall-63.9% tal-Prodott Domestiku Gross fl-elfejn u ħmistax minn 67.1% fl-elfejn u erbatax. Fitch tbassar li jekk jinżam ir-rittmu kurrenti, il-piż tad-dejn nazzjonali sal-elfejn u tmintax jonqos għal tmienja u ħamsin fil-mija. Iġifieri jerġa jinżel għal-livell kien fl-elf disgħa mija tmienja u disgħin.
Skont Fitch, ir-raġuni ewlenija għal dan it-tnaqqis fil-piz tad-dejn huwa t-tkabbir ekonomiku b’ saħħtu u l-konsolidazzjoni fiskali tal-gvern.
Ir-rapport bassar li d-deficit sal-aħħar tas-sena mistenni jinżel għal 0.9% fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross u sal-aħħar tas-sena d-dieħla għandu jkompli nieżel għal 0.8% fil-mija. Fost oħrajn Fitch attribwixxew dan it-tnaqqis sostanzjali għad-dħul li qed iħalli l-programm ta’ ċittadinanza b’ investiment.
Dan filwaqt li nnotaw li t-tkabbir ekonomiku sskota jiżboq dik tal-medja taż-żona ewro fl-ewwel kwart ta’ din is-sena b’5.2%.. Madanakollu kienu kawti fit-tbassir tagħhom għas-sena d-dieħla, fejn huma kunfidenti li d-domanda domestika b’ saħħitha mistennija twassal għal tkabbir ta’ tlieta punt sitta fil-mija.
Dan fid-dawl li d-dħul tal-familji Maltin se jkompli jiżdied b’ żieda fil-postijiet tax-xogħol u żieda fil-pagi. Dan filwaqt li l-inflazzjoni mistennija tibqa’ baxxa u b’hekk is-saħħa tax-xiri tal-familji titjieb.
Fost l-oħrajn l-aġenzija faħħret ir-riforma fil-pensjonijiet li mistennija ttejjeb is-sostennibilita tal-pensjonijiet, ir-riformi strutturali li tejbu l-ambjent tan-negozji Maltin u l-kompetittivita tagħhom u l-proġetti fil-qasam tal-enerġija li qed ikabbru l-ekonomija Maltija.
Fejn jidħlu l-garanziji tal-Gvern, Fitch sostnew li r-riskji huma baxxi ghax il-kumpaniji tal-Gvern, nkluż l-Enemalta, il-Freeport Group Corporation u l-Malta Industrial Parks huma profittabli.